Jeħtieġ tiġi garantita protezzjoni soċjali adatta lill-ħaddiema fir-relazzjonijiet kollha ta' impjieg

L-aċċess għall-protezzjoni soċjali huwa element ewlieni f’soċjetà aktar ġusta, iżda għal ħafna persuni fis-suq tax-xogħol tal-Ewropa u b’mod partikolari għal dawk f’forom ġodda ta’ xogħol jew għal dawk li jaħdmu għal rashom, dak l-aċċess qed isir dejjem iktar inadegwat, wissa l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fl-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali.

Il-KESE ħeġġeġ lill-awtoritajiet fil-livelli kollha, kif ukoll lis-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali fl-Unjoni Ewropea, biex jaħdmu flimkien għar-restawr tas-sostenibbiltà soċjali “b’għan usa’ li jinħolqu kondizzjonijiet ugwali fil-qasam soċjali li fihom, skont l-istess regoli u f’kundizzjonijiet komparabbli, sabiex kulħadd ikun jista' jgawdi aċċess għall-protezzjoni soċjali”.

”L-UE għandha tħeġġeġ l-ugwaljanza fost iċ-ċittadini Ewropej u għandna bżonn nitkellmu dwar is-sostenibbiltà soċjali tas-soċjetajiet tagħna”, qal ir-relatur tal-Opinjoni, Giulia Barbucci, fis-seduta plenarja. “Il-kompitu tagħna huwa li nikkonfermaw il-mudell soċjali Ewropew u nerġgħu nibnu l-fiduċja fl-UE u b’hekk niġġieldu l-proliferazzjoni tal-ewroxettiċiżmu. Dan se jkollu effett fuq il-futur tal-UE”.

Il-KESE appella lill-Istati Membri biex jesploraw modi ta’ finanzjament għas-sistemi tas-sigurtà soċjali b’mod li mhux biss jiżgura s-sostenibbiltà ta’ dawn is-sistemi, iżda jagħmilhom aktar inklużivi sabiex jiggarantixxu aċċess għal dawk is-sistemi għal persuni f’relazzjonijiet tax-xogħol ġodda u għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll għall-gruppi vulnerabbli kollha. (ll)