Il-mudell soċjali Ewropew – possibbli nżommuh f’dinja globalizzata?

Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Biex nibqgħu nirnexxu fil-qasam soċjali, neħtieġu suċċess ekonomiku. Sabiex jiġi żgurat li l-mudell soċjali Ewropew jibqa’ sostenibbli, irridu ntejbu l-effiċjenza tiegħu u nżidu l-produttività tal-Ewropa. Dawn kienu l-konklużjonijiet ewlenin tad-diskussjoni dwar "The European social model – can we still afford it in a globalised world? ("Il-mudell soċjali Ewropew – possibbli nżommuh f’dinja globalizzata?")", li saret f’Sopot, il-Polonja, fis-27 ta’ Settembru 2018.

L-UE tirrappreżenta 7 % tal-popolazzjoni tad-dinja, 20 % tal-PDG globali u mill-inqas 40 % tal-infiq pubbliku fuq il-protezzjoni soċjali, innota Jacek Krawczyk, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE. Madankollu, qal, li qed ikompli jikber sens ta’ esklużjoni fost iċ-ċittadini Ewropej, bħalma qed jikber il-populiżmu

Il-parteċipanti qablu li bilanċ xieraq bejn il-politiki ekonomiċi u soċjali kien meħtieġ, iżda kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar kif dan il-bilanċ għandu jkun proporzjonat. Għal Markus Beyrer ta’ Business Europe, it-tisħiħ tal-kompetittività jibqa’ prijorità. Fil-fehma tiegħu, il-qawwa tal-mudell soċjali Ewropew qiegħda hemm bis-saħħa  tal-varjetà ta’ soluzzjonijiet nazzjonali u dan l-approċċ għandu jinżamm.

Id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali għandha tingħatalhom kollha l-istess importanza. Id-drittijiet soċjali huma wkoll drittijiet tal-bniedem, enfasizzat Katarzyna Gardaphadze tal-OSKE.

Maciej Witucki, President tal-Bord tat-Tmexxija tal-kumpanija Pollakka Work Service, fakkar lill-parteċipanti li sabiex jiġu ffinanzjati sistemi soċjali jeħtieġ li nintaxxaw il-kumpaniji u l-ħaddiema, u li sabiex jiġu pprovduti l-impjiegi jeħtieġ li l-persuni jiġu edukati sew.

Il-mudell soċjali Ewropew m’għandux jitqies bħala spiża iżda bħala investiment. Hemm bżonn ta’ djalogu soċjali ġenwin biex jitneħħa n-nuqqas ta’ fiduċja bejn il-ħaddiema, min iħaddem u l-istat, enfasizzat Dorota Gardias mill-Forum Pollakk tat-Trejdjunjins.

Hans-Peter Klös, mill-Istitut ta’ Cologne għar-Riċerka Ekonomika, indika li mingħajr ma tiżdied l-produttività tal-Ewropa, ikun diffiċli mbagħad li nippreservaw il-mudell soċjali Ewropew.

Id-diskussjoni seħħet waqt il-Forum Ewropew għal Ideat Ġodda, imtella’ mill-Konfederazzjoni Pollakka Lewiatan. (jl)