Il-ġlieda kontra l-populiżmu tolqot lil kulħadd

mill-Grupp tal-KESE Diversità Ewropa

Il-progress ekonomiku u l-istabilità soċjali huma żewġ armi eċċellenti sabiex jiġi miġġieled l-Ewroxettiċiżmu, iżda dawn mhumiex biżżejjed. Waqt konferenza li saret bil-kooperazzjoni tal-Kamra tax-Xogħol ta’ Vorarlberg f’Feldkirch, l-Awstrija, fil-11 ta’ Ottubru 2018, il-Grupp tal-KESE Diversità Ewropa ħares lejn kif u għaliex il-populiżmu feġġ fl-UE u enfasizza r-rwol ewlieni li s-soċjetà ċivili tista' taqdi fil-ġlieda kontrih.

Dan l-avveniment laqqa' flimkien il-membri tal-KESE u r-rappreżentanti Awstrijaki mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiddiskutu r-riżultati ewlenin tal-istudju "Societies outside Metropolises: the role of civil society organisations in facing populism" (Soċjetajiet barra l-bliet prinċipali: ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-populiżmu, ikkummissjonat mill-Grupp Diversità Ewropa mis-Servizz ta' Azzjoni taċ-Ċittadini Ewropej (ECAS). Fil-qalba tad-dibattitu kien hemm iż-żieda fil-populiżmu f’erba’ pajjiżi u paraguni bejn żewġ reġjuni b’livelli differenti ta’ żvilupp ekonomiku f’kull pajjiż:

  • l-Awstrija: Klagenfurt-Villach u Niederösterreich-Süd;
  • Franza: Drôme u Aisne;
  • l-Italja: Udine u Reggio di Calabria;
  • il-Polonja: Płocki u Nowosądecki.

"L-UE m’għandiex biss titkellem man-nies iżda trid ukoll tismagħhom b’mod attiv u tidħol fi djalogu magħhom", qal Arno Metzler, il-President tal-Grupp Diversità Ewropa. "Is-soċjetà ċivili Ewropea għandha tgħin lill-Unjoni biex tidħol f’kuntatt magħhom. Bħala membri tal-KESE, għandna responsabilità doppja: irridu nsaħħu dawk l-attivitajiet tagħna li jgħaqqdu l-livell Ewropew ma’ dak nazzjonali, u rridu naħdmu iktar mill-qrib ma’ xulxin. B'hekk biss nistgħu ngħinu biex jonqsu l-biżgħat fiergħa li l-populisti qed jimmanipulaw b’tant suċċess", ikkonkluda. (cl)