Nifhem l-Ewropa bil-lingwa omm tiegħi

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed jorganizza wirja intitolata L-UE titkellem il-lingwa tiegħek biex jiċċelebra s-60 anniversarju tal-ewwel att legali tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament Nru 1/58, li ddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet tal-UE. Il-wirja hija turija ta’ ġieħ għal Ewropa multilingwi u r-rikkezza tagħha.

Nhar l-Erbgħa 19 ta’ Settembru, il-KESE ospita ċ-ċerimonja tal-ftuħ, li fiha pparteċipaw il-President tal-KESE Luca Jahier u l-filologu u l-filosfu Franċiża Barbara Cassin, membru tal-Académie Française u d-direttur taċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka Xjentifika (CNRS) ta’ Franza. Isabel Caño, il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, immoderat dibattitu dwar ir-rwol tal-lingwi fl-UE.

Huwa u jinawgura l-wirja, Luca Jahier iffoka fuq ir-rwol tal-kultura fl-integrazzjoni Ewropea, “raġġ ta’ tama għall-ġejjieni tal-Ewropa”.  Il-lingwi huma parti mill-wirt u l-kultura tagħna u jgħinuna nsibu ruħna, qal. Dawn jistgħu jkunu “sors ta’ kunflitt, iżda jwassluna wkoll sabiex nisimgħu lil xulxin u niddjalogaw”. Isabel Caño nnotat li, bis-saħħa tas-sistema multilingwi, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jikkomunikaw ma’ xulxin u jifhmu l-Ewropa bil-lingwa omm tagħhom. “Id-diversità tibda mil-lingwi”, qalet. Barbara Cassin enfasizzat li “it-traduzzjoni tista’ tgħin biex titjieb il-kwalità tal-integrazzjoni Ewropea”. Id-dibattitu ffoka wkoll fuq mistoqsijiet dwar il-kumplessità tat-traduzzjoni, il-valur tal-“globish” u fuq il-lingwi reġjonali tal-Ewropa.

Il-wirja tikkonsisti f’serje ta’ pannelli li juru l-istorja tar-Regolament Nru 1/1958 u kif, mal-medda taż-żmien, l-Unjoni Ewropea matul l-iżvilupp tagħha appoġġjat il-valuri fundamentali bħalma huma l-ugwaljanza, id-diversità u l-multilingwiżmu. Il-wirja, li qed tiġi organizzata f’kollaborazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, hija parti mill-inizjattivi li jiċċelebraw is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. Hija miftuħa għall-pubbliku sat-12 ta’ Ottubru 2018. (ab/dm)