Il-KESE jappella għal baġit ambizzjuż tal-UE ta’ mill-inqas 1,3 % tal-ING tal-UE

Waqt dibattitu fil-plenarja f’Settembru ma’ Günther Oettinger (Kummissarju għall-Baġit u l-HR) dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE 2021–2027, il-KESE appella - f’konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew - għal baġit ambizzjuż ta’ mill-anqas 1,3 % tal-ING. Dan il-volum jipprovdi lill-UE bl-għodod sabiex tindirizza l-isfidi attwali u dawk futuri. Ftehim dwar baġit b’saħħtu qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2019 jibgħat messaġġ politiku importanti u jiżgura li l-programmi ta’ nfiq importanti jistgħu jingħataw bidu mingħajr dewmien.

Javier Doz Orrit, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar is-suġġett, qal hekk fir-rigward tal-proposta tal-baġit tal-Kummissjoni: “Aħna nappoġġjaw l-istruttura u l-prijoritajiet tal-proposta kif ukoll il-miżuri għas-semplifikazzjoni, il-flessibbiltà u s-sinerġiji, iżda tnaqqis ulterjuri fil-volum tar-riżorsi, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-ekonomija tal-UE, mhuwiex aċċettabbli”.

Is-Sur Oettinger iddefenda t-tnaqqis ippjanat tal-baġit minn 1,16 % għal 1,11 % tal-ING. Il-ħruġ tar-Renju Unit, li se jirriżulta f’nuqqas ta’ dħul, u n-nuqqas ta’ rieda min-naħa ta’ xi Stati Membri sabiex jikkontribwixxu aktar, sawru l-bażi għal din id-deċiżjoni. Il-proposta tal-Kummissjoni kellha l-ħtieġa li tkun ambizzjuża iżda realistika sabiex fl-aħħar nett jintlaħaq ftehim unanimu.

Il-membri tal-KESE qalu li bl-ebda mod ma jistgħu jaċċettaw tnaqqis qawwi fil-baġit għall-politika ta’ koeżjoni jew il-PAK. Iż-żewġ politiki jeħtieġu li tal-anqas iżommu l-pakkett baġitarju attwali tagħhom.

Il-Kummissarju ddispjaċih dwar it-tnaqqis tal-baġit għal dawn il-programmi, iżda qieshom bħala adatti. It-tnaqqis kien il-konsegwenza tat-tnaqqis fil-baġit u l-introduzzjoni ta’ prijoritajiet politiċi ġodda.

F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda għall-baġit sabiex jiżdied id-dħul. Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni tinkludi biss parti mill-proposti tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji.

Dikjarazzjonijiet relatati:

Il-President Luca Jahier

Ir-Relatur Javier Doz Orrit