Preżentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej "Minority SafePack” fil-KESE

Fil-plenarja tal-KESE tal-20 ta’ Settembru, l-inizjaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ECI), “Minority SafePack”, ippreżentaw it-talba tagħhom, li hija mmirata biex ittejjeb il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u dawk lingwistiċi fl-Ewropa

Il-proponenti tal-ħames ECI ta’ suċċess, irrappreżentati minn Loránt Vincze, irringrazzjaw lill-KESE talli kien l-ewwel istituzzjoni tal-UE li ta pjattaforma lil din l-inizjattiva ta’ suċċess. 

L-inizjaturi ta’ din l-ECI ta’ suċċess iħossu li d-drittijiet ta’ minoranzi nazzjonali u lingwistiċi mhumiex dejjem rispettati u f’ħafna każijiet il-lingwi u l-kulturi tal-minoranzi jinsabu saħansitra fil-periklu.

Fid-dikjarazzjoni tiegħu, is-Sur Vincze kkritika wkoll l-ECI bħala strument, filwaqt li qal li kienet wisq kumplikata u għalja għaċ-ċittadini ordinarji. Dan kien ukoll ilment ewlieni tal-KESE għal bosta snin, li finalment ikkonvinċa lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal reviżjoni ta’ dan l-istrument importanti għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-livell tal-UE. Attwalment, din ir-reviżjoni tinsab fil-proċess, fejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill diġà nedew konsultazzjonijiet uffiċjali.

L-organizzaturi għadhom ma ddeċidewx meta se jissottomettu l-ECI tagħhom b’mod uffiċjali lill-Kummissjoni. Is-Sur Vincze spjega li, peress li ma kinux marbutin bl-ebda skadenza, l-ewwel esploraw x’jista’ jkun l-eżitu massimu tal-inizjattiva tagħhom,
billi ltaqgħu ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE fuq livell għoli.

Il-President tal-KESE Luca Jahier, li għamel il-wirt kulturali tal-Ewropa wieħed mill-oqsma ta' prijorità tal-presidenza tiegħu, irrikonoxxa s-suċċess kbir tal-inizjattiva, fejn stqarr li dan it-twettiq kien prova li ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jibnu l-futur tal-Ewropa, sakemm jaħdmu flimkien u jwasslu l-vuċi tagħhom b’mod miftiehem.