It-tnaqqis tad-disparità bejn is-sessi fil-qasam diġitali jsaħħaħ il-PDG b’EUR 16-il biljun

Id-disparità bejn is-sessi fil-qasam diġitali hija konsegwenza tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa, li tibda sa mit-tfulija bikrija. Il-KESE jissuġġerixxi approċċ f’diversi livelli u politiki olistiċi li jindirizzaw is-sorsi differenti tal-inugwaljanza.

“Is-sistema edukattiva hija l-qasam politiku ewlieni li għandu jiġi indirizzat. Jeħtieġ li nindirizzaw l-isterjotipi kulturali kif ukoll dawk lingwistiċi, u huwa fir-rigward ta’ dan l-aħħar qasam li nistgħu nikkontribwixxu lkoll”, tgħid Giulia Barbucci. “Jeħtieġ li l-bniet (u s-subien) jiġu pprovduti b’xempji ta’ ispirazzjoni differenti. Wasal iż-żmien li fis-seklu 21 nindirizzaw l-isterjotipi tas-sessi u nittrattawhom fl-iżjed għeruq soċjali u kulturali profondi.”

Huwa essenzjali li niżguraw il-litteriżmu diġitali u l-edukazzjoni għal kulħadd, u għalhekk jeħtieġ li l-għalliema u l-ħarrieġa jiffamiljarizzaw ruħhom mal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Għandu jissaħħaħ l-interess tal-bniet u n-nisa fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) – pereżempju, billi jintwerew eżempji ta’ nisa fil-qasam diġitali u intraprendituri nisa li rnexxew, u anke billi jinxteħet dawl fuq il-possibbiltajiet u l-opportunitajiet għal futur professjonali li jagħmel suċċess bis-saħħa ta’ għarfien usa’ tas-suġġetti STEM. Dan huwa iktar u iktar neċessarju fid-dawl tal-importanza dejjem tikber tal-edukazzjoni marbuta mal-ICT u l-ħiliet trasversali intraprenditorjali, diġitali u personali,bħall-empatija, il-kreattività u s-soluzzjoni ta’ problemi kumplessi, li huma ħiliet attribwiti l-iżjed lin-nisa.

It-tagħlim tul il-ħajja huwa essenzjali fil-prevenzjoni tal-esklużjoni mis-suq tax-xogħol, l-iżjed għan-nisa. L-imsieħba soċjali jaqdu rwol kruċjali f’dan ir-rigward. “L-imsieħba soċjali ġeneralment għandhom jaqdu rwol ewlieni sabiex jiggarantixxu kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol u aċċess għall-protezzjoni soċjali. Dan huwa meħtieġ ukoll fir-rigward tal-hekk imsejħa ekonomija tal-“gigs”, tgħid is-Sinjura Barbucci. (sma)