Ir-regoli tal-konsumatur għandhom kemm iħarsu l-konsumaturi kif ukoll jgħinu lill-kummerċjanti jiffaċċjaw it-tfixkil ikkawżat miż-żieda dejjem tikber tal-kummerċ elettroniku fl-Ewropa

Ir-rappreżentanti tan-negozji u tal-konsumaturi fil-livell Ewropew ilkoll laqgħu b’mod biered il-proposta tal-Kummissjoni dwar Patt Ġdid għall-Konsumaturi fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-20 ta’ Settembru. Huwa u jieħu pożizzjoni dwar il-pakkett, il-Kumitat staqsa jekk il-Patt il-Ġdid jissodisfax il-wegħda li l-leġislazzjoni tal-konsumatur fl-Ewropa tkun adatta għall-era diġitali. Fil-fehma tal-KESE, l-enfasi fuq l-infurzar effettiv tar-regoli attwali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur kellha tkun prijorità.

Filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar għelbet l-inċertezza tagħha rigward ir-rimedju kollettiv, il-KESE xtaq li kieku kienet iżjed ambizzjuża b’mod li l-azzjonijiet fi grupp ikunu possibbli u aċċessibbli.

Waħda min-nuqqasijiet tal-proposta hija li ma hemm l-ebda dispożizzjoni b’mod li l-konsumaturi jkunu jistgħu jipparteċipaw jew le f’azzjoni ta’ rimedju kollettiv.

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tindirizza wkoll il-kwistjoni ta’ kif jiġu ffinanzjati l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tas-soċjetà ċivili inkarigati mill-ħarsien tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, billi jitolbu lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ħolqien ta’ fondi ta’ litigazzjoni.

Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni jmissha ffukat fuq l-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti dwar is-sikurezza tal-prodotti, is-sorveljanza tas-suq, il-prattiki kummerċjali inġusti u l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-konsumatur fl-Istati Membri.

Il-Kumitat japprezza ċerti elementi fil-proposta tal-Kummissjoni. Li d-drittijiet tal-konsumatur jiġu estiżi għas-servizzi diġitali kollha, inklużi s-servizzi diġitali li apparentament huma b’xejn huwa aġġornament tajjeb ħafna, kif inhi l-introduzzjoni ta’ kriterji speċifiċi b’rabta mal-multi dissważivi, li jammontaw tal-inqas sa 4% tal-fatturat tal-kummerċjant, kontra l-kumpaniji li jiksru r-regoli.

Il-miżuri għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-“kwalità doppja”, b’mod partikolari fil-prodotti tal-ikel, huma meħtieġa ferm biex il-konsumaturi, li xi wħud minnhom iħossuhom trattati daqslikieku kienu ċittadini tat-tieni klassi, iħossu li jiġu trattati l-istess fl-Ewropa kollha.

Madankollu, ir-rappreżentanti tal-kummerċjanti u l-konsumaturi rrikonoxxew li l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet speċifiċi ma setgħux jiġu rikonċiljati.

Filwaqt li l-kummerċjanti huma favur l-aġġornament, is-semplifikazzjoni u l-adattament tal-informazzjoni prekuntrattwali, il-konsumaturi huma tal-fehma li dan idgħajjef il-livell ta’ protezzjoni.

Dwar id-dritt tal-irtirar tal-konsumaturi mill-kuntratti onlajn, in-negozji – b’mod partikolari, l-SMEs– huma favur li jitneħħew l-obbligi li jiġu aċċettati beni mixtrijin onlajn u mibgħutin lura wara li jintużaw pjuttost milli sempliċement jiġu ppruvati jew ittestjati, u li jingħata rimborż qabel ma jkunu jistgħu jispezzjonaw il-beni mibgħuta lura għad-danni. Il-konsumaturi jemmnu li din il-proposta tirriskja li tillimita d-drittijiet tal-konsumatur mingħajr l-evidenza tal-abbuż fuq skala wiesgħa ta’ tali drittijiet.

Rigward il-prattiki kummerċjali aggressivi, il-kummerċjanti jemmnu li l-għoti tas-setgħa lill-Istati Membri li jillimitaw il-bejgħ fid-dar jirriskja li jistigmatizza settur ekonomiku sħiħ, u jixtieq li jkunu fil-mira l-prattiki aggressivi kollha. Il-konsumaturi jappoġġjaw il-miżura jekk tiġi applikata għal kategoriji ddefiniti sew ta’ beni (prodotti farmaċewtiċi, armi), għal raġunijiet ta’ saħħa u sikurezza. (dm)