Proġetti minn 27 pajjiż jikkompetu għall-Premju tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE 2018

#CivSocPrize @EU_EESC

Il-KESE rċieva 148 applikazzjoni għal premju tiegħu li din is-sena jiċċelebra inizjattivi innovattivi li jippromovu l-identitajiet, il-valuri Ewropej u l-wirt kulturali fl-Ewropa

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell tal-UE, nieda l-premju ta’ EUR 50 000 f’Ġunju. L-applikazzjonijiet, li għalqu fis-7 ta’ Settembru, ġibdu kandidati minn 27 Stat Membru tal-UE, li juri li l-interess tas-soċjetà ċivili fil-premju żdied mill-2017, meta kienu rappreżentati biss 20 pajjiż.

B’24 proġett ippreżentat, l-Italja għandha l-ogħla numru ta’ parteċipanti fl-2018. Hemm ukoll 13-il kandidat mill-Ġermanja u l-Belġju, u 11 mill-Greċja.

L-applikazzjonijiet se jiġu evalwati minn bord ta’ 10 esperti u r-rebbieħa huma mistennija li jiġu nnotifikati lejn l-aħħar ta’ Novembru. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet se ssir fit-13 ta’ Diċembru 2018, matul is-sessjoni plenarja tal-KESE fi Brussell.

Il-premju se jingħata lil massimu ta’ ħames rebbieħa

Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili rreġistrati uffiċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li jaġixxu fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali jew Ewropew. Huwa miftuħ ukoll għall-individwi.

Issa fl-għaxar sena tiegħu, kien ġie mniedi mill-KESE biex jippremja u jinkoraġġixxi inizjattivi u kisbiet konkreti min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u/jew tal-individwi, li kkontribwixxew b’mod sinifikanti għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea.

Aktar tagħrif dwar dan il-premju jinstab fil-paġna web tagħna – Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili 2018. (ll)