Il-proposta ġdida tas-suq diġitali tal-Kummissjoni se tipproteġi lill-SMEs

Ir-regolament il-ġdid dwar is-suq uniku diġitali propost mill-Kummissjoni Ewropea mhux biss se tipproteġi l-kummerċ elettroniku għall-konsumaturi, iżda – għall-ewwel darba – ukoll l-SMEs. In-negozji li joperaw fuq pjattaformi onlajn u l-magni tat-tiftix se jkunu f’pożizzjoni li jsolvu kunflitti possibbli barra mill-qorti. Dan huwa l-progress enfasizzat fl-Opinjoni mħejjija minn Marco Vezzani u adottata mis-sessjoni plenarja tal-KESE fid-19 ta’ Settembru 2018.

Skont studju tal-Kummissjoni, kważi 50% tan-negozji Ewropej li joperaw fuq pjattaformi onlajn jiltaqgħu ma’ problemi. Barra minn hekk, fF 38 % tal-każijiet, il-problemi relatati mar-relazzjonijiet kuntrattwali ma jiġux solvuti, filwaqt li f'26 % tal-każijiet jiġu solvuti iżda biss b'diffikultà. Sal-lum, il-leġislazzjoni Ewropea ffukat fuq id-definizzjoni tar-relazzjoni bejn in-negozji u l-konsumaturi fil-kummerċ onlajn (B2C), filwaqt li r-relazzjoni bejn in-negozji u l-pjattaformi onlajn (B2B) qatt ma ġiet trattata b’mod deċiżiv.

Għal din ir-raġuni, bil-għan li tiżdied l-ekwità u t-trasparenza, il-Kummissjoni ddeċidiet li titratta r-relazzjoni tan-negozju bejn l-SMEs u l-pjattaformi onlajn bħala parti mill-analiżi tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali. “Aħna nilqgħu din il-proposta tal-Kummissjoni bħala l-ewwel tentattiv biex jiġu regolati r-relazzjonijiet B2B fil-qasam tal-kummerċ elettroniku u biex jiġu protetti l-utenti kummerċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni onlajn,” qal is-Sur Vezzani. “Madankollu, dan ir-regolament waħdu ma jistax isolvi l-problemi kollha tas-suq uniku diġitali,” żied jgħid. "Atturi globali u l-utenti kummerċjali, b’mod partikolari l-SMEs, għandhom saħħa differenti f’dan is-suq dinamiku u kumpless ħafna. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limiti ċari u relazzjonijiet bejn il-partijiet interessati u tiġġieled l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.” (mp)