#JubelFestival - Il-membri tal-KESE jiddiskutu ideat ġodda għall-futur tal-Ewropa

Opportunità għal skambju ta’ fehmiet u esperjenza ta’ tagħlim, il-Festival Jubel, l-ewwel festival dwar id-demokrazija Ewropea fil-Belġju, sar is-Sibt 22 ta’ Settembru 2018 fil-Park Leopold fi Brussell. Il-membri tal-KESE Pierre Jean Coulon, Ronny Lannoo, Thierry Libaert u Daniel Mareels mexxew dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, dibattitu li kien partikolarment rilevanti fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin.

Mijiet ta’ parteċipanti nġabru sabiex jiddiskutu s-sitwazzjoni attwali tal-Unjoni Ewropea u jesprimu l-ideat tagħhom għall-Ewropa li jixtiequ. Nies ta’ kull età, minn kull sfond u nazzjonalità, sfruttaw il-potenzjal tal-festival dwar id-demokrazija Ewropea sabiex jitkellmu u jisimgħu lil xulxin, jispiraw ruħhom, u jiskambjaw opinjonijiet ma’ mexxejja politiċi Ewropej, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u esperti.

Il-membri tal-KESE enfasizzaw b’mod unanimu li, peress li l-elezzjonijiet Ewropej dalwaqt magħna, ma kienx hemm ħin x’wieħed jitlef għat-twettiq ta’ wegħdiet, u ffokaw fuq tliet punti ewlenin:

  • il-bini ta’ Ewropa sostenibbli u inklużiva (is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni Bankarja, il-Pilastru Soċjali, l-Unjoni tal-Enerġija);
  • il-ġestjoni tal-migrazzjoni b’kont meħud tal-prinċipji tas-solidarjetà u l-istat tad-dritt, li jinsabu fil-qalba ta’ kwalunkwe kompromess dejjiemi;
  • li l-UE terġa’ ssir iċċentrata fuq il-poplu , filwaqt li tippermetti liċ-ċittadini tagħha jiksbu kwalità ta’ ħajja aħjar. (mp)