Il-KESE jirrakkomanda li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020 tkun aktar b’saħħitha

Baġit aktar b’saħħtu, aktar sinerġiji bejn in-netwerks, appoġġ tekniku kontinwu, impenn affermat mill-ġdid favur l-investiment fi proġetti tal-elettriku u użu doppju tal-infrastruttura ċivili-militari. Fl-Opinjoni li fasslu flimkien Aurel Laurențiu Plosceanu u Graham Watson, li ġiet approvata waqt il-plenarja tal-KESE fid-19 ta’ Settembru 2018, il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali r-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għall-perjodu 2021–2027 u jindika oqsma fejn hemm lok għal titjib.

L-Unjoni Ewropea se tinvesti f’netwerks trans-Ewropej tat-trasport, l-enerġija u netwerks diġitali permezz tal-programm riformat tal-FNE. Infrastruttura aġġornata u ta’ prestazzjoni għolja hija kruċjali biex tgħin fil-konnessjoni u l-intergrazzjoni tar-reġjuni Ewropej, filwaqt li tħeġġeġ il-ħolqien ta’ impjiegi u l-kisba ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

“L-FNE hija waħda mill-aktar programmi tal-UE li rnexxew u hija ta’ importanza strateġika għall-integrazzjoni tas-suq intern, għall-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija, għall-mobilità intelliġenti u l-opportunità għall-UE biex twassal valur miżjud tanġibbli għaċ-ċittadini, għall-koeżjoni soċjali u għan-negozji,” qal is-Sur Plosceanu. “Mgħandniex nippermettu li l-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri jew fil-livell tal-UE jtellfu l-interkonnessjoni tal-elettriku, pereżempju, billi jiffriżaw skemi li huma ffinanzjati privatament. Jekk irridu nilħqu l-miri tagħna dwar il-klima se jkollna bżonn kemm finanzjament pubbliku kif ukoll privat fin-netwerks trans-Ewropej,” ikkonkluda Sir Graham. (mp)