Il-konferenza tal-KESE titlob għal impenn ġenwin favur politika ta’ koeżjoni ambizzjuża wara l-2020

Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-politika ta’ koeżjoni wara l-2020 jinkludu ħafna aspetti pożittivi iżda mhumiex biżżejjed. Baġit ta’ koeżjoni li tnaqqas b’10 % meta mqabbel ma’ dak preċedenti mhuwiex se jkun biżżejjed biex jaqdi l-bżonnijiet tal-aġenda politika attwali u tal-ambjent. Ftehim aħħari dwar il-baġit tal-UE 2021-2027 jeħtieġ jintlaħaq qabel l-elezzjonijiet tal-UE tal-2019, fid-dawl tal-isfidi li qed tiffaċċja l-UE.

Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet ewlenin li ntlaħqu matul konferenza reċenti organizzata mill-KESE bil-ħsieb tat-tħejjija ta’ diversi Opinjonijiet dwar il-pakkett tal-koeżjoni mill-Kummissjoni , li ġie ppreżentat bħala parti mill-proposti tagħha dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

Matul il-konferenza, ġie enfasizzat li kien meħtieġ impenn reali lejn l-iżvilupp reġjonali u l-politika ta’ koeżjoni. F’mument kruċjali għall-futur tal-UE, politika ambizzjuża tista’ tkun strumentali fil-ġlieda kontra ż-żieda fl-Ewroxettiżmu u l-isfidi politiċi u soċjoekonomiċi oħra, filwaqt li tipprovdi benefiċċji reali fil-ħajjiet tan-nies u b'impatt fuq il-perċezzjoni tal-politika tal-UE. Impenn reali għandu l-ewwel u qabel kollox ikun rifless fi strateġija ċara u dispożizzjonijiet baġitarji adatti. It-tnejn li huma għandhom jiġu allinjati mal-ambjent politiku sabiex ikunu effettivi u jilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini. Il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti ħassew li d-dispożizzjonijiet baġitarji mill-QFP preċedenti għall-politika ta’ koeżjoni għandhom tal-anqas jinżammu. Il-kredibbiltà tal-UE kienet fil-periklu.

Il-kelliema qalu wkoll li r-rata ta’ kofinanzjament għandha tinżamm sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-fondi għall-benefiċjarji kollha.

Dawn l-Opinjonijiet tal-KESE dwar il-pakkett ta’ koeżjoni tal-Kummissjoni se jitressqu għall-votazzjoni fil-plenarja f’Settembru u Ottubru 2018. (jk)