Għeżież qarrejja,

L-eżitu tal-aħħar elezzjonijiet Ewropej, li kkonferma r-rebħa ta’ dawk li jridu aktar, u mhux inqas, Ewropa, jipprometti tiġdid demokratiku fl-Ewropa bbażat fuq żvilupp sostenibbli u istituzzjonijiet inklużivi.

Wara l-elezzjonijiet, il-kwistjoni rilevanti hija jekk il-Parlament Ewropew u, tabilħaqq, l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej kollha, humiex kapaċi jagħtu riżultati fl-affarijiet l-aktar importanti. Ilkoll nafu li dan jista’ jinkiseb biss jekk inpoġġu l-iżvilupp sostenibbli fil-qalba tal-politiki u l-azzjonijiet tagħna.

Hekk kif is-seduti ta’ smigħ tal-Kummissarji nnominati l-ġodda qed joqorbu lejn tmiemhom u l-Kulleġġ il-ġdid qed jipprepara biex jibda l-ħidma tiegħu, huwa ta’ serħan il-moħħ li, fl-Aġenda tagħha għall-Ewropa, il-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen inkludiet għadd ta’ inizjattivi biex isir progress f’din id-direzzjoni - li jinkludu fost oħrajn, Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, Patt Ekoloġiku ġdid għall-Ewropa, ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Bħala d-Dar Ewropea tas-Soċjetà Ċivili, aħna ħadna nota wkoll tad-deċiżjoni tagħha li tniedi spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea permezz ta’ Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u ninsabu lesti li nkunu impenjati bis-sħiħ fiha, peress li aħna l-korp tal-UE li huwa l-eqreb taċ-ċittadini u l-espressjoni sħiħa tad-demokrazija parteċipattiva.

Tabilħaqq, irridu nħejju ruħna li nilqgħu l-bidla b’mentalità mġedda, bi strateġiji u metodoloġija adatti biex insolvu l-isfidi kumplessi li qed niffaċċjaw illum. Dan ma jistax isir biss fi Brussell. Jeħtiġilna nfittxu mudelli ġodda ta’ kollaborazzjoni, forom ġodda ta’ djalogu ma’ persuni fuq il-post.

Kull bidu ġdid huwa opportunità ġdida, u għaldaqstant, għandna l-opportunità li nsaħħu d-djalogu fost l-istituzzjonijiet tal-UE u bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha. Madankollu, irridu nuru l-valur li nisimgħu lis-soċjetà ċivili, u hawnhekk, il-KESE għandu rwol ċentrali.

Tiġdid tal-Ewropa jista’ jinkiseb biss jekk intejbu l-mod kif nikkomunikaw l-Ewropa. B’din il-perspettiva, il-KESE organizza s-Seminar tas-Soċjetà Ċivili dwar il-Midja annwali tiegħu f’Malaga, fejn il-ġurnalisti, is-soċjetà ċivili, l-akkademiċi u l-esperti tal-komunikazzjoni eżaminaw il-kisbiet tal-UE matul dawn l-aħħar sittin sena u esploraw il-merti li nibnu “Unjoni aktar mill-qrib”, minflok li kulħadd jimxi għal rasu.

Il-partijiet interessati li ħadu sehem fis-Seminar tas-Soċjeta Ċivili f’Malaga ppruvaw jaħdmu fuq approċċ ġdid u ambizzjuż ta’ kif nikkomunikaw l-UE liċ-ċittadini tagħha. Nemmen bis-sħiħ li għandna ningħaqdu flimkien biex inwasslu l-messaġġ li magħqudin aħna aktar b’saħħitna.

Luca Jahier,

President tal-KESE