Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) laqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni qed tikkunsidra li testendi l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata - li tirrikjedi li l-Kunsill jadotta proposti b’kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew - f’aktar oqsma ta’ politika soċjali.

F’dan il-qasam, l-involviment tal-Parlament fil-proċess leġislattiv tal-UE fuq livell ugwali mal-Kunsill huwa ta’ importanza partikolari, peress li l-kwistjonijiet soċjali jinvolvu direttament liċ-ċittadini ordinarji u jaffettwaw il-koeżjoni soċjali, li huma kruċjali għas-sopravivenza tal-UE, qal il-KESE f’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Settembru.

F’ċerti oqsma tal-politika soċjali, id-deċiżjonijiet għadhom jirrikjedu vot unanimu fil-Kunsill.

"Il-Parlament Ewropew għandu jsir sieħeb veru u indaqs fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE fil-qasam tal-politika soċjali. Dawn huma kundizzjonijiet importanti għal aktar ġustizzja soċjali u għal demokrazija akbar. ™Jekk Trattat jipprovdi l-mezz għal dan, x’qegħdin nistennew biex napplikawh? qal ir-relatur għall-OpinjoniChristian Bäumler.

Il-KESE insista li bl-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, l-UE tibqa’ impenjata lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Qal li kien favur li ssir bidla sħiħa għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni, għal rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll għal deċiżjonijiet li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-UE. (ll)