Is-sessjoni plenarja ta’ Settembru tal-KESE laqgħet lill-Ombudsman Ewropea, Emily O’Reilly, li tat rendikont tal-ħidma li saret matul it-terminu tagħha u tat ħarsa lejn l-isfidi li qed tiffaċċja l-amministrazzjoni pubblika Ewropea u kif dawn għandhom jiġu indirizzati.  Il-President tal-KESE, Luca Jahier, enfasizza l-ħtieġa għal istituzzjonijiet tal-UE orjentati lejn il-persuni.

Is-Sinjura O’Reilly irrimarkat li meta l-istituzzjonijiet tal-UE jiffaċċjaw kwistjoni sensittiva, il-kooperazzjoni bejniethom hija kruċjali għall-bidla. Qalet li “Meta jkun hemm kwistjoni diffiċli u sensittiva, il-bidla dejjem issir permezz tal-kollaborazzjoni u l-koalizzjoni tal-forzi mill-atturi kollha involuti, mill-istituzzjonijiet sal-Istati Membri”. “Huwa biss meta jintlaħaq ċertu livell ta’ pressjoni li nistgħu naraw bidla, minħabba li mbagħad il-kwistjoni tkun aktar prominenti fl-aġenda tal-istituzzjonijiet."

Is-Sur Jahier enfasizza l-fatt li l-Kumitat huwa istituzzjoni tal-UE mmirata lejn iċ-ċittadini Ewropej, u faħħar ir-rwol u l-ħidma tal-Ombudsman Ewropew f’dan ir-rigward.

Innota wkoll li "Għandna nżommu f’moħħna li l-KESE huwa magħmul minn 350 membru li huma f’kuntatt kostanti man-nies fuq il-post”. “Għandna bżonn governanza ċċentrata fuq il-persuni u nemmnu li l-Ombudsman Ewropew għandu rwol kruċjali x’jaqdi biex l-istituzzjonijiet tal-UE jiġu megħjuna jadattaw għal din il-bidla. Inti adottajt għadd ta’ miżuri f’din id-direzzjoni, u l-Kumitat qed isegwi b’mod rigoruż ir-rakkomandazzjonijiet tiegħek u se jkompli jagħmel dan fil-futur." (mp)