Il-KESE jitlob approċċ aktar integrat għat-trasport

It-trasport għandu rwol ta’ faċilitatur ewlieni biex jagħmel l-iżvilupp sostenibbli realtà. Jikkontribwixxi għall-ekonomija, il-kummerċ u l-impjiegi, iżda jqajjem ukoll kwistjonijiet fir-rigward tal-ambjent, it-traffiku u s-sigurtà. F’rapport minn Tellervo Kylä-Harakka-Ruonala, il-KESE jeżamina l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u, billi jipprovdi approċċ trasversali fejn l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali jingħaqdu flimkien, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħejji qafas ġdid u integrat għall-politika tat-trasport futura tal-UE.

"It-trasport huwa politika fundamentali tal-Unjoni Ewropea iżda, sfortunatament, it-tfassil tal-politika tiegħu għadu kkaratterizzat minn nuqqas ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, li jwassal għal approċċi u inizjattivi pjuttost frammentati. Pereżempju, il-kwistjonijiet tas-suq huma parti mill-politika tat-trasport filwaqt li l-kwistjonijiet klimatiċi u relatati mal-enerġija jaqgħu taħt l-Unjoni tal-Enerġija," tgħid is-Sa Kylä-Harakka-Ruonala.

L-opportunitajiet u l-isfidi li jġibu d-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni wkoll għandhom jiġu ġestiti kif xieraq. "It-trasport għandu jkun aċċessibbli, affordabbli, bla xkiel u effettiv, kif ukoll sikur, biex jippermetti l-mobbiltà tal-persuni u l-oġġetti. Għal dan il-għan, u f’konformità mal-SDGs, iridu investimenti sinifikanti f’infrastruttura xierqa, fl-innovazzjoni, u f’sistemi tat-trasport effiċjenti, inkluż it-trasport pubbliku," ikkonkludiet is-Sa Kylä-Harakka-Ruonala.

L-opinjoni tenfasizza wkoll li huwa essenzjali li tiġi involuta s-soċjetà ċivili fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politika tat-trasport. Is-settur pubbliku għandu jkollu rwol ċentrali iżda għandhom jiġu ffaċilitati wkoll l-inizjattivi minn isfel għal fuq u l-isħubiji. (mp)