It-tranżizzjoni tal-enerġija tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomiji reġjonali tal-Ewropa

It-tranżizzjoni tal-enerġija tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomiji reġjonali tal-Ewropa. It-tranżizzjoni għal forom deċentralizzati, rinnovabbli u diġitalizzati tal-provvista tal-enerġija jkollha benefiċċji ekonomiċi għar-reġjuni tal-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ benefiċċji ambjentali. F’rapport ta’ Lutz Ribbe, il-KESE jgħid li hemm tal-anqas erba’ raġunijiet għaliex il-produzzjoni ta’ enerġija intelliġenti tista’ tgħin lill-ekonomiji reġjonali u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex b’mod sistematiku torbot il-politika ta’ koeżjoni reġjonali u soċjali futura mal-inizjattiva tal-Unjoni tal-Enerġija.

Għalkemm id-dibattitu pubbliku u politiku fil-livell Ewropew għandu t-tendenza li jiffoka fuq il-benefiċċji ambjentali tat-tranżizzjoni deċentralizzata jew ir-riskji assoċjati magħha, il-Kumitat jagħmel punt differenti u jgħid li l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli jista’ jġib benefiċċji ekonomiċi għar-reġjuni tal-UE. It-tranżizzjoni tal-enerġija tirrappreżenta opportunità kbira għall-ekonomiji lokali, l-iżjed għar-reġjuni Ewropej rurali u dawk dgħajfa mil-lat strutturali. L-opinjoni tal-KESE, adottata fis-sessjoni plenarja fil-11 ta’ Lulju 2018, tenfasizza li l-produzzjoni mingħajr karbonju tista’ tkun ta’ benefiċċju għar-reġjuni billi:

  • tnaqqas il-ħtieġa għal importazzjonijiet tal-karbonju;
  • tiġġenera valur ekonomiku fi ħdan ir-reġjun ikkonċernat, fuq kollox jekk is-sjieda tibqa’ lokali;
  • toħloq impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja permezz tal-installazzjoni, it-tħaddim u ż-żamma ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;
  • u, fl-aħħar nett,
  • iżżid id-dħul reġjonali mit-taxxa.

F’dibattitu dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Lulju, Maroš Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-Unjoni tal-Enerġija, enfasizza kemm kien importanti li l-inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-enerġija jintrabtu mal-politika u l-iżvilupp reġjonali u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-korpi tal-UE u s-soċjetà ċivili.

“Huwa fi-livell lokali li l-pjani u l-impenji politiċi jinbidlu fi proġetti konkreti. L-Unjoni tal-Enerġija ma tistax tinbena hawnhekk fi Brussell, iżda fil-bliet u l-irħula tagħna. Jeħtieġ li jkun sforz kollettiv, li jwassal biex insibu soluzzjonijiet kreattivi,” qal is-Sur Šefčovič.

Is-Sur Šefčovič afferma mill-ġdid l-impenn tal-Kummissjoni għal azzjoni futura li jkollha l-għan li tneħħi l-ostakli attwali li jimpedixxu lin-nies milli jipparteċipaw b’mod attiv u sħiħ bħala “prosumaturi” fit-tranżizzjoni tal-enerġija, kif ukoll biex tinbena fiduċja fost l-investituri tal-enerġija ekoloġika.

Il-President tal-KESE Luca Jahier ikkonkluda billi enfasizza l-viżjoni tal-KESE u r-rwol tiegħu biex jiżgura li jitwassal il-leħen ta’ kulħadd: “Il-KESE jipprova jiżgura li billi jinġabar flimkien l-għarfien espert tas-soċjetà ċivili organizzata minn madwar l-Ewropa, ħadd ma jitħalla jaqa’ lura fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ewropa, kemm mil-lat ta’ ambjent u impjiegi kif ukoll ta’ opportunitajiet biex jinħoloq valur ekonomiku, jew bħala konsumatur”. (mp)