Il-Premju tal-2018 għas-Soċjetà Ċivili: l-applikazzjonijiet huma miftuħa matul is-sajf kollu

Għad fadal żmien għall-organizzazzjonijiet u l-individwi involuti fil-promozzjoni tal-kultura u l-wirt Ewropew biex japplikaw għall-Premju tal-2018 tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili fi sforz kemm biex iżidu l-viżibbiltà tagħhom u jingħataw injezzjoni finanzjarja biex jiffinanzjaw il-proġetti futuri tagħhom.

Il-kandidati potenzjali jistgħu japplikaw sas-7 ta’ Settembru. Il-premju huwa maħsub għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-individwi li kienu attivi fi:

  • is-sensibilizzazzjoni tad-diversi saffi u r-rikkezza tal-identitajiet Ewropej;
  • l-użu tal-potenzjal sħiħ tal-ġid kulturali Ewropew;
  • l-iffaċilitar tal-aċċess għall-wirt kulturali Ewropew; u
  • l-promozzjoni tal-valuri Ewropej bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt.

Total ta’ EUR 50 000 se jingħata lil massimu ta’ ħames rebbieħa.

Il-premju huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha li huma uffiċjalment irreġistrati fl-Unjoni Ewropea kif ukoll individwi li jaġixxu fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali jew Ewropew.

Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili, li issa wasal fl-għaxar sena tiegħu, tnieda mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jippremja u jħeġġeġ inizjattivi u kisbiet tanġibbli minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u/jew individwi li taw kontribut sinifikanti għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea. Fl-2017 il-premju ffoka fuq impjiegi u intraprenditorija ta’ kwalità.

Il-lista sħiħa ta’ rekwiżiti u l-formula ta’ applikazzjoni online huma disponibbli minn hawnhekk. (dm)