Work 4.0 jolqot l-aktar fejn l-imsieħba soċjali huma l-aktar dgħajfa

Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Studju mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE tal-istrateġiji nazzjonali dwar Work 4.0 juri li l-involviment tal-imsieħba soċjali huwa essenzjali u li l-ħaddiema huma milquta l-agħar fejn kien hemm tnaqqis fin-negozjar kollettiv.

Il-pass tat-trasformazzjoni diġitali u l-isfidi li jirriżultaw fir-rigward tar-regolamentazzjoni u l-kwalità tal-impjiegi jitolbu reazzjonijiet ta' politika komprensivi. Skont l-istimi tal-OECD, 14% tal-impjiegi huma f'riskju għoli ta' awtomatizzazzjoni u 31% se jgħaddu minn bidla sinifikanti fil-15-20 sena li ġejjin.

Is-sejbiet tal-istudju jindikaw domanda qawwija għal ħaddiema b'ħiliet ogħla u għal erożjoni ta' impjiegi b'livell ta' introjtu medju u b'ħiliet medji fil-ġejjieni - fi kliem ieħor, aktar inugwaljanzi.

L-istudju jirreferi għas-sejbiet tal-ILO dwar l-ekonomija tal-pjattaforma fejn lakuni jew żoni griżi fil-liġi li pprovdew bażi fertili għall-iżvilupp ta' kundizzjonijiet ta' xogħol mhux standard u ta' kwalità baxxa rriżultaw mit-tnaqqis fin-negozjar kollettiv f'ċerti pajjiżi.

Bit-titoluOverview of the national strategies on work 4.0 - a coherent analysis of the role of the social partners (Ħarsa ġenerali lejn l-istrateġiji nazzjonali dwar Work 4.0 - analiżi koerenti tar-rwol tal-imsieħba soċjali), l-istudju jitlob:

  • tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz tal-involviment dirett tal-imsieħba soċjali fit-tfassil ta' proċess ta' tranżizzjoni diġitali ġust biex jiġu żgurati impjiegi ta' kwalità u pagi diċenti
  • skemi ta' protezzjoni soċjali universali,
  • standards aġġornati tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għal teknoloġiji ġodda,
  • l-antiċipazzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u
  • it-tfassil ta' programmi ta' taħriġ.

Dan se jkun ippreżentat u diskuss uffiċjalment fit-18 ta' Ottubru 2018 f'avveniment tal-Grupp tal-Ħaddiema. (prp)