It-tassazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali diġitali għandha tiġi indirizzata fu livell globali

Digital tax

Kwalunkwe soluzzjoni għat-tassazzjoni tal-mudelli kummerċjali diġitali proposti għal-livell tal-UE għandha tkun f'konformità mal-prattika u l-ftehimiet tat-tassazzjoni korporattiva internazzjonali komuni, jgħid il-KESE f'rapport adottat riċentement. Minflok, il-pakkett leġislattiv tal-Kummissjoni Ewropea għandu l-għan li jintaxxa l-fatturat tan-negozji aktar milli l-profitti, u li jimponi taxxi fejn isir il-bejgħ minflok fejn jinħoloq il-valur.

Fl-opinjoni tal-KESE, dan l-approċċ jista' jipperikola l-integrità tas-suq uniku tal-UE u jwassal għal tassazzjoni doppja. Il-kumplessità tas-sistemi tat-taxxa internazzjonali u għalhekk l-inċertezza għall-investituri tista' tiżdied. Fid-dawl ta' dan it-tħassib, il-KESE qiegħed jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-impatt komplementari tal-miżuri proposti.

Huwa importanti ħafna li jiġu żviluppati prinċipji dwar kif għandhom jiġu attribwiti l-profitti korporattivi għall-attivitajiet diġitali għal pajjiż tal-UE u dwar kif dawn għandhom jiġu ntaxxati, jgħid il-KESE fir-rapport tiegħu. Il-kumpaniji diġitali għandhom jikkontribwixxu għall-finanzi pubbliċi bl-istess mod bħan-negozji tradizzjonali u jaqsmu l-piż tat-taxxa meħtieġ biex jiġu ffinanzjati s-servizzi pubbliċi, iżda kwalunkwe soluzzjoni għandha tkun ġusta u bbażata fuq kunsens u toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-ekonomiji kollha tal-UE.

Madankollu, minkejja t-tħassib tiegħu, il-KESE jara l-inizjattivi tat-taxxa diġitali tal-Kummisjsoni bħala pass fid-direzzjoni t-tajba u jilqa' l-ambizzjoni tagħha li ssib soluzzjoni globali. Il-Kummissjoni nediet dibattitu internazzjonali u issa huwa tal-akbar importanza li l-Istati Membri jaslu għal pożizzjoni komuni u jmexxu 'l quddiem id-diskussjonijiet li għaddejjin, biex b'hekk tintlaħaq is-soluzzjoni globali meħtieġa fil-livell tal-OECD. (jk)