Aktar miżuri meħtieġa b'mod urġenti biex jitnaqqas is-self improduttiv

NPLs

Il-KESE jilqa' l-proposti dwar self improduttiv (NPLs) magħmula mill-Kummissjoni Ewropea. Għalkemm il-Kumitat jissuġġerixxi valutazzjoni tal-impatt għar-regolament propost, huwa jemmen li l-proposti se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-UEM u għall-mixja lejn l-ikkompletar tal-unjoni bankarja.

Huma meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE biex jitnaqqas il-volum ta' NPLs u tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' tali self improduttiv. Huwa vitali wkoll li d-dejn indebolit jitneħħa mill-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jiġu evitati konsegwenzi ta' dejn eċċessiv fil-futur u biex il-banek ikunu jistgħu jiffukaw fuq is-self lin-negozji u liċ-ċittadini. Fil-futur, l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jiżguraw li jkun hemm self responsabbli.

L-opinjoni tal-KESE dwar il-proposti tal-Kummissjoni tqajjem dubji dwar l-approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" u l-kalendarju għall-provvediment ta' NPLs ġodda taħt il-garanziji ta' kontinġenza prudenzjali statutorji proposti. L-applikazzjoni tal-garanziji ta' kontiġenza għandha tikkunsidra d-differenzi bejn il-liġijiet ċivili nazzjonali u t-tul tal-proċeduri fil-Qrati Ċivili. Il-kalendarju propost jista' jġiegħel lill-banek ibigħu NPLs ġodda malajr żvantaġġ għall-kumpaniji kkonċernati.

Għaldaqstant hija rrakkomandata ħafna valutazzjoni tal-impatt potenzjali tar-regolament propost fuq il-banek, fuq it-trażmissjoni tal-kreditu lill-unitajiet domestiċi, fuq l-SMEs u t-tkabbir tal-PGD sabiex wieħed jara jekk ir-regolament propost huwiex xieraq u effettiv.

Il-proposti tal-Kummissjoni jħeġġu l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għall-NPLs. Il-KESE jemmen li r-regolaturi ma għandhomx jinkoraġġixxu l-bejgħ ta' NPLs, minħabba r-riskju li l-NPLs qed jinbiegħu għal prezz aktar baxx fis-swieq finanzjarji mill-valur li jistgħu jilħqu permezz ta' rkupru fi ħdan il-banek. (jk)