L-ispariġġ fil-ħiliet: qegħdin nitilfu l-miljuni, u se nitilfu saħanistra aktar!

Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

L-ekonomija Ewropea titlef aktar minn 2% tal-produttività fis-sena minħabba l-ispariġġ fil-ħiliet, skont studju reċenti kkummissjonat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Dan ifisser telf ta’ 80 ċenteżmu għal kull siegħa ta' xogħol. Is-sitwazzjoni se tmur saħansitra għall-agħar jekk ma titwettaq l-ebda riforma.

Skont l-istudju, il-kumpaniji fil-parti l-kbira tal-UE qed jaraw nuqqas dejjem jikber ta’ ħaddiema b’ħiliet adegwati. F’ċerti okkupazzjonijiet, bħall-professjonisti tal-ICT, it-tobba mediċi, u l-professjonisti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), kif ukoll l-għalliema, l-infermiera u l-qwiebel, l-impatt huwa diġà sinifikanti. Hemm ukoll nuqqas ta’ profili b’ħiliet ta’ livell intermedju bħas-sewwieqa tat-trakkijiet, il-koki u l-welders.

Il-konsegwenzi jinkludu nfiq addizzjonali fuq taħriġ għall-impjegati, telf ta’ kompetittività u proċessi ta’ reklutaġġ aktar bil-mod. Aktar minn 70% tal-kumpaniji involuti fis-servizzi professjonali, xjentifiċi jew tekniċi u 67% tal-kumpaniji tal-ICT ammettew li l-ispariġġi fil-ħiliet għandhom effett serju fuq il-politiki tar-riżorsi umani tagħhom.

Il-kumpaniji mistħarrġa indikaw tradizzjonijiet insuffiċjenti fit-tagħlim tul il-ħajja u l-kwalifiki (mill-ġdid) bħala l-fattur ewlieni fl-ispariġġi fil-ħiliet. Il-persuni taħt l-24 sena u li għandhom aktar minn 65 sena huma dawk l-aktar affettwati serjament mill-ispariġġi. Il-persuni l-anqas probabbli li jiġu affettwati huma dawk li għandhom bejn l-40 u l-54 sena.

Edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ effiċjenti, aktar tagħlim tul il-ħajja u intermedjazzjoni effettiva fil-qasam tax-xogħol huma essenzjali biex jingħalaq dan id-distakk, bħalma huwa t-titjib tal-evalwazzjoni tal-ħiliet biex jiġu identifikati bil-quddiem il-ħiliet li se jkunu meħtieġa fil-futur.

Riformi fl-edukazzjoni li jsiru bil-mod, regolamenti dwar is-suq tax-xogħol wisq ambizzjużi, tassazzjoni tax-xogħol eċċessiva u mekkaniżmi arbitrarji għall-istabbiliment tal-pagi huma kawżi tal-ispariġġi fil-ħiliet relatati mal-politika. Il-bidliet għandhom jiġu implimentati kemm mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati – l-istituzzjonijiet edukattivi, dawk li jħaddmu u l-ħaddiema nfushom.

L-istudju tħejja mill-Istitut għall-Ekonomija tas-Suq fuq talba tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE u jista’ jitniżżel minn: http://europa.eu/!dM96Ft (jl)