Il-KESE jistieden lill-Presidenza Awstrijaka tal-UE tuża s-setgħa tagħha bħala medjatur biex issaħħaħ l-unità tal-Ewropa

Il-migrazzjoni kienet fost wieħed mis-suġġetti ewlenin meta Gernot Blümel, Ministru Awstrijak għall-UE, L-Arti, il-Kultura u l-Midja, ressaq il-programm tal-Awstrija għall-Presidenza tal-UE fis-sessjoni plenarja tal-KESE tal-11 ta’ Lulju.

“L-UE tista’ tfalli l-missjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-migrazzjoni, Schengen u d-difiża tal-valuri fundamentali. Iżjed milli Ewropa li tipproteġi, għandna niddefendu Ewropa li tipprotġi, tippromovi u tikkondividi,” qal il-President tal-KESE, Luca Jahier.

Gabriele Bischoff, President tal-Grupp tal-Ħaddiema, qalet li l-ħaddiema jappoġġjaw kunċett differenti ta’ Ewropa li tipproteġi. “Speċjalment f’dan il-perjodu, meta qed tgħib il-fiduċja fl-Ewropa, jeħtieġ li ċ-ċittadini jkunu jafu li l-Ewropa tista’ tiżgura d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom”, qalet.

Arno Metzler, President tal-Grupp Diversità Ewropa, qal: “Nittama li l-Presidenza tal-Awstrija tiddefendi l-umanità u tiżgura li naħdmu lkoll flimkien. Il-migrazzjoni hija aspett wieħed biss, iżda jeħtieġ li naħdmu flimkien dwar kwistjonijiet oħra wkoll, bħalma huma l-kummerċ diġitali, il-kummerċ ħieles, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-QFP.”

Jacek Krawczyk, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, enfasizza li l-Ewropa hija wkoll il-valuri tagħha, li mhumiex negozjabbli. Huwa qal: “L-Ewropa għadha f’salib it-toroq. Jeħtieġ inkunu ċari dwar id-direzzjoni li nixtiequ nieħdu. Jekk Schengen tiddgħajjef, dan ikollu konsegwenzi devastanti għan-negozji u ċ-ċittadini”.

Il-Ministru Blümel iddefenda ċ-ċentri ta’ migrazzjoni ppjanati barra mill-Ewropa. “Sakemm jibqa’ possibbli li tirkeb dgħajsa li tista’ tieħdok l-Ewropa, in-nies ser ikomplu jmutu fil-Mediterran”, huwa qal. (sma)