Ir-riformi tal-politika soċjali fost il-prijoritajiet l-aktar importanti għall-adeżjoni mal-UE tal-Montenegro

Il-Membri tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Montenegro ltaqgħu f'Podgorica fis-17 ta' Lulju biex jiddiskuta l-qagħda u l-ħidma li għandha ssir fin-negozjati ta' adeżjoni mal-UE tal-Montenegro u adottaw dikjarazzjoni konġunta.

Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt (JCC) tal-UE-Montenegro sejjaħ għal sforzi akbar mill-Gvern Montenegrin biex jissodisfa l-parametri referenzjarji biex jingħalqu l-kapitoli tan-negozjati, speċjalment il-parametri referenzjarji interim dwar l-istat tad-dritt.

Fir-rigward tal-politika soċjali u l-impjiegi, il-JCC enfasizza l-importanza tal-liġi tax-xogħol bħala bażi għar-riforma strutturali tas-suq tax-xogħol, li tkun ta' benefiċċju għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali globali tal-pajjiż. Sabiex iħejju għall-moviment liberu tal-ħaddiema, il-JCC stieden lill-awtoritajiet Montenegrini jibdew iħejju fi żmien raġonevoli biex jipparteċipaw fil-koordinzzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u n-netwerk tas-servizzi tax-xogħol tal-EURES, kif ukoll għall-użu tal-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-midja u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż, il-JCC esprima tħassib dwar il-libertà tal-istampa, b'mod speċifiku fir-rigward tax-xandar pubbliku nazzjonali RTCG.

Il-laqgħa li jmiss tal-JCC – it-tnax-il waħda tiegħu, se ssir fi Brussell fit-tieni nofs tal-2018. Il-JCC huwa magħmul minn tnax-il membru, sitta minn kull naħa, li jirrappreżentaw il-KESE u s-soċjetà ċivili Montenegrina.(ks)