Jeħtieġ li l-UE tħabrek iżjed biex tipproteġi n-nisa b’diżabbiltà

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) talab lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħmlu sforz akbar biex jipproteġu n-nisa u lbniet b’diżabbiltà, li għadhom jiffaċċjaw diversi forom ta’ diskriminazzjoni fis-soċjetà tal-UE minħabba sew is-sess u sew id-diżabbiltà tagħhom, li ta# spiss iwassal għall-esklużjoni soċjali tagħhom.

Minkejja li jirrappreżenta 16% tal-popolazzjoni femminili totali fl-Ewropa, dan il-grupp ta’ 40 miljun mara huwa wieħed mill-iżjed vulnerabbli u marġinalizzat fis-soċjetà Ewropea.

Fl-opinjoni adottata f’Lulju, il-KESE qal li l-UE u l-Istati Membri tagħha ma kellhomx qafas legali b’saħħtu li jipproteġi u jissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet b’diżabbiltà kollha.

“In-nisa b’diżabbiltà jeħtieġu appoġġ speċjali, iżda minkejja dan ma hemm l-ebda fokus adatt fuqhom fi kwalunkwe waħda mill-istrateġiji tal-UE, la f’dik dwar in-nisa u lanqas f’dik dwar il-peruni b’diżabbiltà. Qishom għosfru, daqslikieku huma ta’ valur inqas mill-bqija tal-popolazzjoni,” qalet Gunta Anča, ir-relatur għall-opinjoni.

Il-KESE ħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, b’mod partikolari l-Artikolu 6, li jirrigwarda n-nisa b’diżabbiltà.

Huwa enfasizza l-bżonn li l-pajjiżi tal-UE jissieħbu fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li n-nisa b’diżabbiltà għandhom minn tliet sa ħames darbiet aktar ċans li jisfaw vittmi tagħhom milli n-nisa sħabhom mingħajr diżabbiltà.

L-opinjoni ser tikkontribwixxi għar-rapport li l-Parlament Ewropew ser iħejji dwar l-istess suġġett fil-ħarifa. (ll)