Il-KESE jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni għall-FinTech b'xi riżervi

Il-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-iżvilupp tat-teknoloġija għas-settur finanzjarju (FinTech) fl-Ewropa għandhom jiġu aġġustati b'tali mod li jibbilanċjaw l-istimulazzjoni tas-suq u s-sigurtà u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u ekonomika. Fil-fehma tal-KESE, il-Pjan ta' Azzjoni propost huwa bażi tajba iżda huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-FinTech u jiġu żgurati ċ-ċertezza, il-protezzjoni u l-kundizzjoni ugwali tas-suq għall-parteċipanti kollha fis-suq.

Il-KESE jemmen li l-atturi tal-FinTech għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli bħas-settur finanzjarju, b'mod partikolari fir-rigward tar-reżiljenza, iċ-ċibersigurtà u s-superviżjoni, u li huma meħtieġa regoli biex jiġi żgurat żvilupp uniformi tal-FinTech fl-UE. Il-Kummissjoni għandha tiċċara r-responsabbiltà tal-kumpaniji li joffru servizzi ta' cloud fir-rigward tal-protezzjoni tad-data li jospitaw, u jidentifikaw regoli possibbli.

Madankollu, il-KESE jappoġġja l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni, peress li jista' jikkontribwixxi għall-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-UEM u s-Suq Uniku Diġitali. Il-KESE laqa' wkoll bi pjaċir il-proposti tal-Kummissjoni għal qafas ta' abilitazzjoni għall-finanzjament kollettiv bħala li jipprovdu opportunitajiet ġodda u aktar ċertezza u protezzjoni għall-parteċipanti kollha fis-suq. Iżda tal-inqas fl-istadji inizjali, għandu jkun hemm saħanistra fokus aktar b'saħħtu fuq l-aspetti tar-riskju assoċjati mal-operazzjonijiet u s-swieq ta' finanzjament kollettiv sabiex jiġu identifikati aħjar jew immitigati fejn dan ikun possibbli, u biex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-protezzjoni għall-partijiet ikkonċernati kollha.

Barra minn hekk, il-kwistjonijiet tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u t-tassazzjoni relatati mal-finanzjament kollettiv jeħtieġ li jiġu indirizzati aħjar u għandhom jiġu introdotti dispożizzjonijiet biex jiġi mmonitorjat u vvalutat ir-reġim propost tal-UE. (jk)