It-trasformazzjoni diġitali għandha tkun soċjalment u etikament responsabbli

It-tranżizzjoni diġitali fl-UE għandha tkun sostnuta mir-rispett għall-valuri Ewropej u appoġġjata b'politiki soċjali aktar robusti biex b'hekk jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jaqa' lura. Fil-plenerja ta' Lulju tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) sostna li s-soċjetà Ewropea kollha kemm hi il-ħaddiema, il-kumpaniji u l-pubbliku ġenerali bl-istess mod – għandhom minflok ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal enormi offrut mit-teknoloġiji l-ġodda.

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-kunċetti tal-UE għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni f'dinja diġitalizzata ta' xogħol, mitluba mill-Presidenza Awstrijaka tal-UE, il-Kumitat elenka għadd ta' prijoritajiet għall-UE li għandhom jiżguraw li jinkisbu l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni. Dawn jinkludu t-titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema Ewropej, it-tisħiħ tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-iżgurar tad-diversità fuq il-post tax-xogħol biex b'hekk, pereżempju, l-impjiegi fis-setturi diġitali ma jibqgħux iddominati mill-irġiel.

Madankollu, il-KESE wissa li l-investiment fil-politiki soċjali kien jirrappreżenta biss 0.3% tan-nefqa pubblika totali fl-UE, u sostna li dan għandu jissaħħaħ.

Filwaqt li tenna l-appoġġ tiegħu għal approċċ "fejn il-bniedem ikun fil-kmand" għad-diġitalizzazzjoni, il-KESE sostna li jħeġġeġ l-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali soċjalment responsabbli li sservi l-ġid komuni.

“In-nuqqas ta' ċarezza li hemm b'rabta ma' kif jaħdmu l-algoritmi u kif dawn jagħmlu l-għażliet li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-bniedem joħloq sfidi kbar ħafna għall-UE u mistoqsijiet fundamentali dwar is-soċjetà li rridu ngħixu fiha,” ikkonkluda l-KESE. (ll)