Oriġinarjament assoċjati mal-kriptovaluti, il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT) huma fil-fatt tassew versatili u jistgħu jiġu applikati b’mod utli għall-ekonomija soċjali. Madankollu, huwa importanti li dawn jiġu rregolati b’mod xieraq u jiġu ggwidati lejn il-kisba ta’ benefiċċji għal kulħadd, u jippermettu li kulħadd jipparteċipa, jgħid il-KESE f’rapport maħruġ fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju.

Il-KESE fassal lista twila ta’ applikazzjonijiet possibbli għall-blockchain u t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit li tista’ tkun ta’ interess kbir għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. Dawn jinkludu t-traċċar ta’ donazzjonijiet u l-ġbir ta’ fondi, it-titjib tal-governanza tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, l-awtentikazzjoni ta’ attivitajiet, iċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet, li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet tal-awtur isiru aktar ċari u aktar ċerti, il-forniment ta’ telemediċina u sistemi ta’ kura elettronika siguri u li l-prodotti agrikoli jsiru kompletament traċċabbli u identifikabbli.

Madankollu, il-potenzjal enormi tat-teknoloġiji diġitali l-ġodda, flimkien mal-investiment konsiderevoli meħtieġ, jesponi wkoll it-teknoloġija blockchain għar-riskju ta’ konċentrazzjoni ta' data u netwerks teknoloġiċi li jkunu soġġetti għal spekulazzjoni, iwissi l-KESE.

Huwa importanti li jkun hemm miżuri pubbliċi li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji b’mod parteċipattiv u aċċessibbli, u l-involviment tas-soċjetà ċivili huwa imperattiv.

Ir-Regolament tal-UE jagħmel sens minħabba li din it-teknoloġija tuża katini li jistgħu jinħolqu irrispettivament mill-fruntieri nazzjonali. L-investimenti kbar meħtieġa jitolbu azzjoni Ewropea koordinata u strutturata.

Aqra l-opinjoni tal-KESE intitolata Il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit bħala infrastruttura ideali għall-ekonomija soċjali (dm)