Conny Reuter: “Aħna qegħdin hawn biex nippromovu d-djalogu ċivili ta’ Ewropa progressiva u inklużiva”

Fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-18 ta’ Lulju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospita dibattitu ma’ Conny Reuter, kopresident tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-netwerks Ewropej.

Is-Sur Reuter ippreżenta l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili 2019, li saru f’nofs Ġunju fi Brussell dwar it-tema ta’ demokrazija sostenibbli. Huwa tkellem ukoll dwar ir-rwol tal-Grupp ta’ Kuntatt, stabbilit fl-2004 bħala korp uniku fi ħdan l-UE, li nħoloq biex jiżgura djalogu permanenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u n-netwerk Ewropew tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew.

“Aħna qegħdin hawn biex nippromovu d-djalogu ċivili ta’ Ewropa progressiva u inklużiva” qal Is-Sur Reuter lill-plenarja, filwaqt li enfasizza r-rwol importanti tal-Grupp li joffri perspettiva tal-UE dwar suġġetti u politiki importanti, li jmorru lil hinn mill-interessi nazzjonali.

Il-President tal-KESE Luca Jahier faħħar il-ħidma tajba tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE: “Aħna qed nippruvaw nibnu l-pontijiet u mhux nagħlqu l-bibien. Ninsabu hawnhekk biex naħdmu flimkien għal Ewropa aħjar,” enfasizza.

Bħala simbolu tal-kooperazzjoni mill-qrib, kull sena l-Grupp ta’ Kuntatt u l-KESE jorganizzaw il-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili sabiex jenfasizzaw il-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-bini ta’ Unjoni Ewropea li tifhem aktar l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini. Dan l-avveniment għadu kemm għalaq l-10 anniversarju tiegħu. Is-Sur Jahier qal li l-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili saru wieħed mill-avvenimenti ewlenin tal-Kumitat. F’Ġunju attendew ’il fuq minn 250 parteċipant għal dan l-avveniment. (ll)