Il-grupp Diversità Ewropa jmur Helsinki biex jiddiskuti t-tkabbir sostenibbli u l-modi biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE

mill-Grupp Diversità Ewropa

Fis-16 u s-17 ta’ Settembru, il-Grupp Diversità Ewropa se jospita laqgħa straordinarja f’Helsinki. F’konformità mal-prijoritajiet tal-Finlandja għall-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-UE, “Ewropa Sostenibbli – Futur Sostenibbli”, il-grupp tagħna għażel li jikkonċentra fuq it-tliet pilastri li jiffaċilitaw it-tkabbir sostenibbli u b’hekk jagħti spinta lill-kompetittività tal-UE: il-bijoekeonomija u Ewropa b'impatt newtrali fuq il-klima, id-diġitalizzazzjoni, u l-infrastruttura.

L-ewwel jum tal-laqgħa se jsir fl-Anness tal-Bini tal-Parlament u se jkun iddedikat għal konferenza dwar is-suġġett “Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE – tliet pilastri għat-tkabbir sostenibbli”. L-għan ewlieni ta’ din il-konferenza huwa li jiġu eżaminati u diskussi l-isfidi, l-opportunitajiet, il-konsegwenzi, l-aħjar prattiki u l-modi biex tiżdied il-kompetittività tal-UE. Is-sessjoni se tiftaħ b’diskorsi ewlenin minn uffiċjali, rappreżentanti tal-gvern u l-Parlament Finlandiż, u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet li magħhom huma affiljati l-membri Finlandiżi tagħna tal-Grupp III.

Fit-tieni jum se ssir żjara ta’ studju f’postijiet rurali qrib Helsinki, b’rabta mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-loġistika fis-settur tal-forestrija. (ih)