Il-Grupp ta’ Min Iħaddem se jiltaqa’ darbtejn fil-Finlandja biex jiddiskuti dwar l-intelliġenza artifiċjali u UE li tiffavorixxi n-negozji

mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE se jospita żewġ konferenzi fil-pajjiż tal-Presidenza attwali tal-Kunsill Ewropew – il-Finlandja. L-ewwel avveniment se jsir fl-aħħar ta’ Awwissu u se jiffoka fuq Ewropa intelliġenti.

Il-konferenza se ssir f’Turku fit-30 ta’ Awwissu, bit-titolu “Ewropa Intelliġenti – Kif se naslu hemm”. Din se tiffoka fuq l-opportunitajiet u l-isfidi ppreżentati mid-diġitalizzazzjoni u l-IA għan-negozji, fuq il-faċilitaturi tas-suċċess f’dan il-qasam u fuq l-aspettattivi konsegwenti għall-politiki tal-UE. Għandha l-għan li teżamina, fost affarijiet oħrajn, kif l-Ewropa tista’ tkun minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni, liema ħiliet u kompetenzi huma meħtieġa u kif jista’ jiġi attivat il-finanzjament.

Membri tal-Grupp ta’ Min Iħaddem se jkollhom skambju ta’ fehmiet dwar dawn il-kwistjonijiet ma’ kelliema ta’ livell għoli bħas-sindku ta’ Turku, Minna Arve, l-MEPMiapetra Kumpula-Natri u l-President ta’ “One Sea”, Sauli Eloranta. Is-seminar se jkun parti tal-Forum ta’ Turku dwar l-Ewropa, fejn iċ-ċittadini u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet se jiddiskutu l-futur tal-Ewropa u tal-Finlandja.

"Ewropa miftuħa – Kif se tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd?” se tkun it-tema tat-tieni konferenza Finlandiża, li se sseħħ f’Helsinki fid-9 ta’ Ottubru. Din għandha l-għan li tiżviluppa r-rwol ta’ ekonomija u soċjetà miftuħa fil-bini ta’ UE b’saħħitha u li tiffavorixxi n-negozji. Iż-żmien tal-konferenza, li jikkoinċidi mal-bidu tal-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, jagħmilha possibbli li jitwassal messaġġ qawwi ta’ negozju lil dawk li jfasslu l-politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali.

Iż-żewġ avvenimenti huma organizzati b’mod konġunt mill-Grupp ta’ Min Iħaddem u l-Konfederazzjoni tal-Industriji Finlandiżi (ek)