Mingħajr industrija Ewropea tal-batteriji b’saħħitha, il-manifatturi tal-karozzi jistgħu jħallu l-UE

Il-KESE jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-batteriji żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea iżda josserva li jeħtieġ li jissaħħaħ u li jiġi implimentat mill-iżjed fis.

Hemm riskju ġenwin li partijiet kbar ħafna tal-industrija awtomobilistika Ewropea se jirrilokaw il-produzzjoni tagħhom f’reġjuni qrib l-unitajiet li jipproduċu ċ-ċelloli tal-batteriji, prinċipalment fl-Asja. Fl-Opinjoni abbozzata minn Colin Lustenhouwer u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju, il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Batteriji iżda jwissi li dan jeħtieġ li jissaħħaħ u jiġi implimentat mill-iżjed fis biex tiġi evitata l-possibbiltà li l-fabbriki tal-karozzi Ewropej jiċċaqilqu ’l barra mill-UE.

“Ir-riskji huma kbar ħafna. Qed nitħaddtu dwar l-impjiegi ta’ madwar 13-il miljun ħaddiem Ewropew fis-settur,” qal is-Sur Lustenhouwer. “Huwa ċar li hemm sens ta’ urġenza f’livell wiesa’ fost dawk li jfasslu l-politika, ix-xjenzjati u n-negozji. Dawn jirrealizzaw li huwa tard, saħansitra tard wisq. Neħtieġu batteriji effettivi, sikuri u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.”

Il-batteriji saru indispensabbli fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Bħalissa, l-UE għadha lura ferm, kemm mil-lat tal-iżvilupp kif ukoll tal-produzzjoni u tiddependi mill-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE, b’mod partikolari l-Asja. L-ewwel rapport ta’ progress tal-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta’ April 2019 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji juri li tnediet firxa ta’ azzjonijiet biex tiġi żviluppata industrija sinifikanti tal-batteriji fl-UE. Madankollu, biex jiġi żviluppat is-settur jeħtieġ li jsir ferm iżjed fl-UE fis-snin li ġejjin, u l-enfasi għandha tkun fuq l-investimenti u l-innovazzjoni. (mp)