Il-KESE jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-politika ekonomika tal-UE u għall-governanza tal-UEM futuri

F’Lulju, il-KESE ppreżenta proposti għall-aġenda ekonomika tal-perjodu leġislattiv li jmiss u rrakkomanda li dawn għandhom jiffurmaw il-bażi ta’ strateġija ekonomika ġdida tal-UE.

Il-politika ekonomika u l-governanza futuri għandhom, skont il-KESE, iqisu l-isfidi ġeopolitiċi u soċjetali, bħat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali, it-tilwim kummerċjali mhux solvut, il-Brexit, it-tibdil fil-klima u t-tibdil demografiku, l-inugwaljanzi li qed jikbru u r-raba’ rivoluzzjoni industrijali, u jikkontribwixxu biex isaħħu r-reżiljenza għall-kriżijiet u għas-sostenibbiltà tal-mudell ekonomiku. Dawn l-isfidi jeħtieġu strateġija ekonomika estensiva b’objettivi ta’ politika ċari u qafas ta’ governanza ekonomika aktar koerenti.

L-erba’ pilastri tal-UEM – dak monetarju u finanzjarju, dak ekonomiku, dak soċjali u dak politiku – għandhom jissaħħu b’mod bilanċjat u hija meħtieġa narrattiva pożittiva għall-iżvilupp futur tal-ekonomija tal-UE. Il-KESE jappella, fost affarijiet oħra, biex tinħoloq kapaċità fiskali fil-livell taż-żona tal-euro, l-ibbilanċjar tal-miżuri min-naħa tal-provvista u tad-domanda, u l-involviment imsaħħaħ tal-Parlament Ewropew, tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’deċiżjonijiet ta’ politika soċjali u ekonomika ewlenin.

Rigward il-konverġenza ’l fuq, il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġu promossi l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jsaħħu l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE abbażi tal-kapaċità li għandha biex ittejjeb il-produttività tagħha u l-istandards tal-għajxien b’mod sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin issir newtrali għall-klima.

Aktar informazzjoni: ECO/492 & ECO/493 (jk)