Is-sessjoni plenarja tat-18 ta’ Lulju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospitat lill-Ministru Finlandiż għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa, Aino-Kaisa Pekonen, li ppreżentat il-programm tal-Presidenza Finlandiża tal-UE. Dan jinkludi enfasi speċjali fuq is-sostenibbiltà u l-benesseri taċ-ċittadini. Is-Sinjura Pekonen enfasizzat ukoll it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-valuri tal-UE fost il-prijoritajiet l-oħra tal-Presidenza.
B’introduzzjoni għad-diskors ta’ Aino-Kaisa Pekonen, il-President tal-KESE Luca Jahier tkellem dwar l-isfidi ewlenin li se jkollha tindirizza l-Presidenza Finlandiża tal-UE. “L-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030”, qal is-Sur Jahier, “se teħtieġ approċċ olistiku li jirrekjedi li l-isfidi ekonomiċi u soċjali jiġu indirizzati flimkien.” B'kunsiderazzjoni ta' dan, is-Sinjura Pekonen ħabbret li: “Il-Finlandja trid li jkollha impatt fuq il-futur tal-UE u dan il-futur għandu jkun soċjalment, ekonomikament u ekoloġikament sostenibbli.”
It-tmexxija globali tal-UE fl-azzjoni klimatika hija għalhekk prijorità ewlenija għall-Presidenza Finlandiża. Għal dan il-għan, hija tipprevedi li jintlaħaq qbil dwar l-elementi ewlenin tal-pjan fit-tul li jimpenja lill-UE għan-newtralità klimatika sa tmiem l-2019, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew.
Il-Presidenza Finlandiża se ssaħħaħ ukoll id-djalogu mhux biss mal-atturi globali oħrajn, iżda wkoll fi ħdan l-UE ma’ istituzzjonijiet u msieħba oħrajn. “Djalogu mal-imsieħba soċjali huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Presidenza Finlandiża”, ikkonkludiet is-Sinjura Pekonen. “Il-KESE għandu rwol ewlieni u ninsabu sodisfatti li huwa qiegħed jabbozza opinjonijiet ewlenin li huma konformi mal-proposti tagħna.” (dgf)