Il-KESE jospita laqgħa bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-istandardizzazzjoni tas-sigurtà tal-liftijiet

Fuq l-inizjattiva tal-membru tal-KESE Antonello Pezzini, il-Kumitat ospita delegazzjoni ta’ rappreżentanti mill-korpi regolatorji tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fid-9 ta’ Lulju 2019.

Il-laqgħa, li nfetħet mis-Segretarju Ġenerali tal-KESE Gianluca Brunetti, kellha l-għan li tiddiskuti l-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-kooperazzjoni teknika dwar is-sigurtà tal-liftijiet u tal-iskali mobbli. “It-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u ċ-Ċina f’dan il-qasam daqshekk sensittiv huwa ta’ importanza vitali, mhux biss għal dan is-settur industrijali speċifiku iżda wkoll għall-benefiċċju tal-industrija inġenerali,” qal is-Sur Pezzini.

L-għada tal-laqgħa fil-KESE, ġie ffirmat l-ewwel ftehim biex jinħoloq grupp konġunt ta’ ħidma bejn l-UE u ċ-Ċina fis-sede tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fi Brussell. L-ewwel laqgħa tal-grupp konġunt ta’ ħidma hija skedata li ssir fiċ-Ċina f’Ottubru 2019. (mp)