Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrikonċilja aħjar il-leġislazzjoni tagħha dwar l-industrija u l-enerġija mal-politika tagħha dwar il-klima

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti f’aktar dettall dwar l-alternattivi ta’ politika li jgħinu kemm biex inaqqsu l-gassijiet serra, u b’hekk fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif ukoll biex iżommu l-kompetittività. L-għan għandu jkun li jiġu protetti u promossi aħjar l-industriji tal-UE li jużaw ħafna riżorsi u enerġija (REII), inkella l-Ewropa tkun fir-riskju li titlef l-impjiegi f’ekonomiji inqas nodfa u ma tilħaqx l-għan tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra (GHG).

”Is-sistema attwali għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) li għandha l-għan li tħeġġeġ l-investiment mhix biżżejjed, peress li għalissa l-applikazzjoni tagħha madwar id-dinja mhijiex disponibbli. Jekk tkun applikata biss fl-Ewropa, se ġġib magħha r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u konsegwentement ta’ rilokazzjoni tal-investiment", wissa Aurel Laurenit Plosceanu, relatur għall-Opinjoni tal-KESE dwar Il-perspettiva industrijali settorjali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija, li ġiet adottata fl-17 ta’ Lulju. “L-investiment futur mill-UE u l-Istati Membri għandu jkun ikkonċentrat fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u fuq it-tnedija ta’ teknoloġiji b’livell ta’ karbonju baxx jew żero kemm għall-REIIs kif ukoll għall-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika meħtieġa. Trid issir enfasi wkoll fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol tagħhom", żied jgħid il-korelatur Enrico Gibellieri.

Peress li l-ispejjeż tal-enerġija, pereżempju, għall-industriji tal-azzar, l-aluminju u l-ħġieġ jirrappreżentaw madwar 25% tal-ispejjeż totali, l-ispejjeż tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) huma għoljin ukoll. Bl-ETS fis-seħħ, il-prodotti Ewropej se jkunu jiswew aktar u se jkun hemm riskju li jiġu sostitwiti minn prodotti orħos fis-suq internazzjonali. (sma)