L-agrikoltura Ewropea għandha timxi fid-direzzjoni tal-agroekoloġija

L-UE jeħtieġ li tpoġġi aktar enfasi fuq il-ktajjen tal-provvista qosra u l-agroekoloġija fil-biedja sabiex tippreserva l-agrikoltura tagħha u tagħmilha aktar reżiljenti għal sfidi ġodda bħat-tibdil fil-klima. L-agroekoloġija hija wkoll mod kif niggarantixxu il-provvista tal-ikel tagħna u kif nagħmlul-ikel tagħna aktar tajjeb għas-saħħa, b’hekk jiżdied il-valur tiegħu. Ktajjen tal-provvista qossra se jgħinu lill-azjendi agrikoli iżgħar iżidu d-dħul tagħhom u jagħtu l-ħajja liż-żoni rurali.

“Inizjattivi ta’ ktajjen tal-provvista qosra għandhom il-potenzjali li joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir, u konsegwentement, il-ġid, b’mod partikolari fiż-żoni rurali. Għalhekk, l-isfida hija li tingħata s-setgħa lill-operaturi biex joħolqu sistemi tal-ikel lokali bbażati fuq governanza lokali. Id-diġitalizzazzjoni għandha - kif ukoll se jkollha fil-futur - rwol ewlieni, kemm fil-produzzjoni u l-ipproċessar kif ukoll fil-bejgħ u x-xiri,” tispjega Geneviève Savigny ir-relatur tal-Opinjoni dwar Il-promozzjoni ta’ ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra u alternattivi fl-UE: ir-rwol tal-agroekoloġija.

Il-KESE jipproponi li l-proġett agoekoloġiku madwar l-Ewropa għandu jiġi introdott permezz ta’ pjan ta’ azzjoni strutturat u multidimensjonali, li jinvolvi lil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Il-programmi eżistenti għandhom ukoll jiġu diretti lejn miżuri ta’ appoġġ għall-agroekoloġija u ktajjen tal-provvista qosra.

Politika komprensiva dwar l-ikel, li l-KESE ilu s-snin jippromoviha, u li jista’ jkun il-faċilitatur tagħha, tista’ tifforma l-qafas għall-pjan ta’ azzjoni. (sma)