S’issa, l-azzjonijiet biex tingħata spinta lill-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari fl-Ewropa ffukaw fuq il-produzzjoni u biex l-industriji jintroduċu mudelli ta’ negozju ċirkolari u jintroduċu opzjonijiet ċirkolari fis-suq. Issa wasal iż-żmien biex il-konsumaturi jiġu involuti, u biex dawn jingħataw is-setgħa jagħmlu għażliet ta’ xiri sostenibbli fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, jgħid ir-rapport tal-KESE adottat f’Lulju.
Fir-rapport, intitolatIl-konsumaturi fl-ekonomija ċirkolari, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappella biex isseħħ it-tranżizzjoni strateġika sabiex il-konsumaturi jitpoġġew fil-qalba tal-politika pubblika dwar l-ekonomija ċirkolari fil-livelli kollha tal-gvern fl-Ewropa.
Fl-ewwel stadju tal-ekonomija ċirkolari, il-konsumaturi kellhom biss ir-rwol ta’ aġenti urbani li jirriċiklaw l-iskart domestiku filwaqt li l-enfasi kienet fuq in-negozju. Il-KESE jirrimarka li l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea għandhom regolazzjoni u produzzjoni speċifiċi, li jagħtu spinta lil-livelli ta’ riċiklaġġ u jintroduċu l-kunċett tal-ekodisinn.
"Issa wasal iż-żmien li l-Ekonomija Ċirkolari 2.0 tindirizza n-naħa tal-konsumatur", jgħid ir-relatur tal-KESE Carlos Trias Pintó, filwaqt li jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkun fuq quddiem biex tmexxi t-tranżizzjoni fl-inizjattivi li jmiss tagħha.
Huwa jenfasizza li din it-tieni fażi, se tkun qed isserraħ fuq l-informazzjoni tal-konsumatur. L-informazzjoni u l-edukazzjoni, huma fatturi ewlenin biex jiggwidaw lill-konsumaturi lejn xejriet ta’ mġiba ċirkolari. L-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja għandhom għalhekk jiddaħħlu fis-seħħ u l-konsumaturi jingħataw l-aktar informazzjoni oġġettiva possibbli.
Il-KESE jargumenta favur l-ittikkettar volontarju bħala pass lejn l-ittikkettar obbligatorju, filwaqt li jiġu indikati l-impronta soċjali u dik ambjentali tal-prodott – it-tnaqqis fl-emissjonijiet, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-effiċjenza fir-riżorsi jew l-evitar ta’ komponenti b’impatt ambjentali għoli, it-tul ta’ ħajja stmat, il-possibbiltà li jinkisbu spare parts u l-alternattiva ta’ tiswija.
Madankollu, minkejja li l-informazzjoni u l-edukazzjoni jistgħu jikkontribwixxu ħafna biex jagħtu direzzjoni lill-konsumaturi lejn prodotti ekoloġiċi, li jistgħu jissewwew u li jservu fit-tul, ħafna nies mhux se jkunu jistgħu jaffordjawhom. Bħala inċentiv, il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw approċċ ibbażat fuq il-premji u li l-amministrazzjonijiet lokali jistgħu jużaw l-akkwist pubbliku biex jappoġġjaw fornituri sostenibbli. (dm)