Il-futur tal-Ewropa - Il-perspettivi ta’ Min Iħaddem

mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Aktar konsistenti, aktar magħquda u anqas burokratika - dan huwa l-mod kif min iħaddem jara l-futur tal-Ewropa. Il-komunità kummerċjali tibqa’ pro-Ewropea bis-sħiħ u trid li jkollha rwol attiv fit-tiswir tal-futur tal-UE. Il-parteċipanti fil-konferenza dwar Il-Futur tal-Ewropa - il-perspettivi ta’ Min Iħaddem, li saret fil-21 ta’ Ġunju 2018 f’Madrid, Spanja, enfasizzaw eżempji konkreti ta’ nuqqasijiet fl-UE u identifikaw soluzzjonijiet għall-futur.

Jekk ninsew il-valuri Ewropej, ser nitilfu lill-UE, qal Jose Vincente Gonzalez, Viċi President tal-Konfederazzjoni ta’ Min Iħaddem u l-Industriji ta’ Spanja (CEOE) fid-diskors tal-ftuħ tiegħu Il-futur tal-Ewropa għandu jitqies fil-kuntest globali. L-isfidi ġeopolitiċi – bħalma huma l-politika attwali tal-Istati Uniti jew il-flussi migratorji – jeħtieġu li jiġu indirizzati.

L-Unjoni Ewropea qed tgħaddi minn kriżi għal oħra iżda speċjalment illum, meta l-ordni globali li nafu qed tgħaddi minn bidla radikali, għandna nibqgħu magħqudin u nieħdu azzjoni ambizzjuża u kuraġġuża. L-impjegaturi huma soluzzjoni, mhux problema - qal Jacek Krawczyk, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem. Ma għandniex nibżgħu li niżviluppaw aktar Ewropa magħquda, jew li taġixxi f’għaqda u solidarjetà. Lanqas ma għandna nibżgħu niddikjaraw b’mod ċar u li ninstemgħu dak li jeħtieġ in-negozju sabiex jopera.

Id-dibattitu ffoka fuq żewġ aspetti tal-futur tal-UE - is-suq intern u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Ir-regolamentazzjoni żejda tibqa’ sfida għal kumpaniji Ewropej. F’ħafna setturi, id-diġitalizzazzjoni kontinwa teħtieġ bidliet kbar fil-mudell tan-negozju sabiex tibqa’ kompetittiva. Il-parteċipanti fil-panel dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja qablu li r-riformi tal-UEM li nbdew wara l-kriżi huma pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda huma bil-mod wisq u mhux ambizzjużi biżżejjed.

Il-Membri tal-Grupp ta’ Min Iħaddem kellhom ukoll l-unur li jiltaqgħu ma’ Ana Pastor, il-President tal-Congreso de los Deputados – il-Parlament Spanjol - u li jippreżentawlha l-konklużjonijiet tal-konferenza. L-avveniment kien organizzat b’mod konġunt mill-Konfederazzjoni ta’ Min Iħaddem u l-Industriji ta’ Spanja (CEOE) u l-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. (lj)