Is-servizzi finanzjarji tal-konsumatur: il-KESE jsib appoġġ għall-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ avveniment lokali fi Spanja

Waqt konferenza organizzata mill-membru tal-KESE Trias Pintó fl-24 ta’ Mejju fir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Madrid ġiet enfasizzata l-ħtieġa li tinbena l-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi finanzjarji transkonfinali fl-Ewropa bil-għan li jiżdied is-sehem tagħhom, li bħalissa huwa biss 7 % tat-total. L-MEP Othman Karas ħabbar li l-Parlament Ewropew ser jinkludi xi wħud mill-proposti ewlenin tal-KESE fir-reazzjoni tiegħu stess għall-proposta tal-Kummissjoni għal Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur.

Il-konferenza, bit-titolu L-isfidi tal-kuntest diġitali ġdid: il-kwalità tal-offerta, l-aċċessibilità, il-kompetizzjoni ġusta u l-ħarsien tal-konsumatur, kienet intiża li tippromovi l-Opinjoni tal-KESE dwar is-servizzi finanzjarji tal-konsumatur, adottata f’Settembru 2017.

Il-membru tal-KESE Bernardo Hernández Bataller kien il-moderatur tal-avveniment u tkellmu kemm ir-relatur tal-Opinjoni Michael Ikrath kif ukoll il-korelatur, is-Sur Trias Pintó. Kelliema oħrajn kienu l-MEPs Othman Karas kif ukoll Jonas Fernández Álvarez, membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON), Manuel Pardos, President tal-Asociación de Usuarios de Bancos Cajas de Ahorro y Seguros (ADICAE), Fernando Tejada de la Fuente, mill-Bank ta’ Spanja, u Jose Luis Martínez Campuzano, kelliem tal-Assoċjazzjoni Spanjoli għall-Banek (ATI).

Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-aħjar u l-aktar prodotti finanzjarji innovattivi bejn il-fruntieri, qal is-Sur Ikrath, u enfasizza li s-suq tas-servizzi finanzjarji fl-UE kien għadu frammentat u l-armonizzazzjoni ’l bogħod ħafna. Huwa qal li l-banek tradizzjonali tal-bejgħ bl-imnut, speċjalment banek reġjonali u lokali, kienu intermedjarju ewlieni fil-bini tal-fiducja tal-konsumatur, peress li tradizzjonalment gawdew minn livell għoli ta’ fiduċja mill-konsumaturi tal-UE, li t-tendenza tagħhom li jibdlu l-fornituri kienet pjuttost baxxa.

Il-kriterji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kellha tiġi armonizzata biex tissolva l-problema ta’ “l-għażla tas-self” (loan shopping), fejn dawk li jisselfu jieħdu self għall-konsumatur transkonfinali li ma jkunx disponibbli għalihom f’pajjiżhom bir-riskju ta’ dejn eċċessiv. L-insolvenza tal-konsumatur kienet teħtieġ li tiġi minimizzata permezz ta’ regolament, qal is-Sur Trias Pintó, li enfasizza wkoll ir-riskji ta’ muniti diġitali alternattivi bħall-bitcoin, il-muniti ċibernetiċi u t-teknoloġija blockchain hekk kif dawn idgħajfu s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data u l-fiduċja tal-konsumatur.

Is-Sur Karas esprima appoġġ għall-Opinjoni tal-KESE u ħabbar li wħud mill-proposti tagħha ser jiġu inklużi fl-opinjoni tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari:

  • il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-arranġamenti fiskali għall-prodotti u s-servizzi ma jibqgħux ikunu ta’ xkiel għall-kompetizzjoni ġusta;
  • il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi “prodotti ewlenin” addizzjonali li huma sempliċi, għandhom l-istess karatteristiċi u li għalhekk huma komparabbli u trasparenti, flimkien ma’ prodotti tal-konsumatur;
  • hemm bżonn li jkun hemm għodod tat-tqabbil indipendenti u ċċertifikati disponibbli għall-prodotti finanzjarji differenti;
  • il-ġganti tal-IT, bħall-Google, Apple, eċċ, għandhom ukoll japplikaw ir-regoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. (dm)