Li ninvestu f’informatika ta’ prestazzjoni għolja huwa ta’ ġid għall-benessri, il-kompetittività u l-impjiegi

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li toħloq Ewropea ta’ Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja u jiddikjara li din it-teknoloġija prinċipali se tgħin biex jiġu indirizzati l-iktar kwistjonijiet iebsa li qed tiffaċċja s-soċjetà tagħna tal-lum u fl-aħħar mill-aħħar se tkun ta’ benefiċċju għall-benessri, il-kompetittività u l-impjiegi.

F’opinjoni adottata fis-Sessjoni Plenarja tat-23 ta’ Mejju 2018, abbozzata minn Ulrich Samm u Antonio Longo, il-Kumitat jenfasizza li l-Impriża Konġunta EuroHPC żgur li se ġġib valur miżjud lill-indipendenza u s-sovranità diġitali tal-UE u l-Unjoni ssir protagonista kruċjali fl-iżvilupp diġitali, b’impatt dirett fuq il-kompetittività u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

"Investiment inizjali ta’ EUR 1 biljun għall-akkwist u għall-operazzjoni ta’ magni ta’ superkomputazzjoni ta’ livell dinji huwa sinifikanti iżda mhux wisq ambizzjuż, speċjalment jekk nqabbluh mal-atturi ewlenin l-oħra – l-Istati Uniti u ċ-Ċina,” qal is-Sur Samm. “Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi mill-UE biex jaqblu ma’ dawk tal-kompetituri globali tagħna,” żied jgħid. B’mod partikolari, żieda sostanzjali fl-investimenti fl-Istati Membri tal-UE, flimkien ma’ preżenza qawwija tal-Programm Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, se jkunu essenzjali biex nibqgħu f’livell ta’ klassi dinjija f’applikazzjonijiet tal-Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li kemm jista’ jkun possibbli tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni, fi ħdan il-qafas tal-Pilastru Soċjali Ewropew, billi jiġi stabbilit għadd ta’ sfidi tas-soċjetà li għandhom jintlaħqu bl-użu ta’ infrastruttura diġitali ġdida. “L-implimentazzjoni u l-użu ta’ magni ta’ livell għoli għandu jkollhom impatt pożittiv ċar u li jista’ jitkejjel fuq il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull ċittadin Ewropew,” qal is-Sur Longo. “Din hija r-raġuni għalfejn aħna wkoll nappellaw għal strateġija ta’ komunikazzjoni fil-livell Ewropew li għandha tiġi implimentata biex tinforma liċ-ċittadini u l-impriżi dwar din l-inizjattiva ġdida importanti”. (mp)