European Economic
and Social Committee
L-Unjoni Ewropea ma tistax tinsa l-valuri tagħha hija u tiżviluppa l-intelliġenza artifiċjali, jgħidu dawk li jfasslu l-politika fl-UE
L-ewwel summit tal-partijiet interessati dwar l-intelliġenza artifiċjali, organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Ġunju fi Brussell, saħaq li l-UE teħtieġ tiżgura li l-intelliġenza artifiċjali hija sikura, imparzjali u f’konformità mal-valuri Ewropej.
”L-intelliġenza artifiċjali hija teknoloġija li ma għandhiex tegħlibna u tifliġna,” qalet Catelijne Muller, il-President tal-Grupp ta’ Studju Tematiku tal-KESE dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, u żiedet tgħid li l-bnedmin għandhom jibqgħu fil-pożizzjoni ta’ kmand tal-intelliġenza artifiċjali.
Mariya Gabriel, Il-Kummissarju tal-UE għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali indirizzat l-isforzi tal-Kummissjoni biex tniedi azzjoni kkoordinata dwar l-intelliġenza artifiċjali, u sejħitilha "prijorità politika qawwija." Il-Kummissjoni qed timmira li tiġbor EUR 20 biljun f'investiment pubbliku u privat fl-intelliġenza artifiċjali sal-2020 u EUR 20 biljun fis-sena matul id-deċennju ta’ wara.
Mady Delvaux, ir-rapporteur tal-PE dwar l-intelliġenza artifiċjali, ġibdet l-attenzjoni għall-isfida tal-aċċessibilità, u qalet li l-Ewropa teħtieġ li tqassam b'suċċess il-ġid iġġenerat mill-intelliġenza artifiċjali.
L-intelliġenza artifiċjali hija waħda mill-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-presidenza attwali tal-KESE. Kif enfasizzat minn Ariane Rodert, il-president tas-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, il-KESE qed jaħdem fuq żewġ opinjonijiet li jittrattaw l-intelliġenza artifiċjali. (ia)