Il-proposta baġitarja tal-Kummissjoni Ewropea hija nieqsa mill-ambizzjoni politika

Il-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE għal bejn l-2021 u l-2027 imressqa mill-Kummissjoni ma tagħmilx biżżejjed u hija nieqsa mill-ambizzjoni politika  din kienet waħda mill-konklużjonijiet ewlenin ta’ konferenza dwar is-suġġett ospitata mill-KESE. Hemm bżonn ta’ ftehim ta’ malajr dwar baġit fuq terminu twil adegwat u riformat kif xieraq.

Il-parteċipanti fil-konferenza tal-KESE rrikonoxxew il-limiti tal-QFP li jmiss u laqgħu bosta aspetti pożittivi tal-proposta tal-Kummissjoni, iżda huma semmgħu wkoll leħinhom dwar il-lakuna dejjem tikber bejn it-tħassib taċ-ċittadini u l-aspettattivi tagħhom u s-setgħa istituzzjonali limitata u r-riżorsi finanzjarji li bħalissa qed jiġu allokati lill-UE. Il-lakuna ma setgħetx tiġi indirizzata b’mod xieraq mill-proposta tal-Kummissjoni, u għalhekk il-bżonn li tiġi riveduta.

Stefano Palmieri, il-president tas-Sezzjoni ECO tal-KESE, ħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE, f’konformità mal-Parlament Ewropew, biex iżidu l-limitu attwali għan-nefqa tal-UE għal 1,3 % tal-ING.

Mhux biss id-daqs iżda anke l-istruttura, id-distribuzzjoni u l-istrumenti tal-baġit propost kienu miftuħa għal diskussjoni. Kien hemm diversi pożizzjonijiet dwar dan.

Għalkemm, b’mod ġenerali, il-kelliema laqgħu ż-żieda ta’ prijoritajiet politiċi ġodda, huma talbu valutazzjoni dettaljata tal-istrumenti ta’ politika ġodda f’termini ta’ idoneità u effettività.

Il-prijoritajiet ġodda ma għandhomx jagħmlu ħsara lill-provvista ta’ riżorsi finanzjarji għal dawk li ilhom hemm, jiġifieri l-politika ta’ koeżjoni u l-politika agrikola komuni, irrispettivament mill-fatt li dawn il-politiki għandhom jiġu riformati kif xieraq.

Il-kundizzjonalità akbar għall-aċċess għall-finanzjament tal-UE ġiet approvata filwaqt li ntlaqgħu strumenti ġodda għal UEM stabbli. Minkejja dan, il-parteċipanti ddubitaw l-ambizzjoni u l-effettività tal-għodod proposti u staqsew għal aktar dettalji.

Fl-aħħar nett il-kelliema qablu li kien ta’ importanza fundamentali li jintlaħaq ftehim dwar il-QFP qabel il-Kunsill Ewropew informali f’Sibiu u l-elezzjonijiet parlamentari fl-2019.

Il-konklużjonijiet tal-konferenza se jikkontribwixxu għal opinjoni tal-KESE li għandha tiġi diskussa fil-plenarja tal-KESE f'Settembru 2018. (jk)