Premju tas-Soċjetà Ċivili 2018 dwar l-Identitajiet, il-valuri Ewropej u l-wirt kulturali fl-Ewropa

L-iżviluppi globali matul dawn l-aħħar snin wasslu biex il-proġett Ewropew jgħaddi minn prova. Il-popolazzjonijiet u l-livelli kollha ta' gvern ma kinux lesti għad-diviżjonijiet interni, is-sentimenti ta’ skuntentizza fost iċ-ċittadini u żieda drastika fil-migrazzjoni, u dan wassal għar-retorika nazzjonalista u tefa’ piż fuq is-solidarjetà reċiproka. F'dan l-isfond, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kellhom rwol fundamentali biex imexxu l-potenzjal tal-wirt kulturali tal-Ewropa 'l quddiem, isaħħu l-identitajiet u s-soċjetajiet, u jippromovu l-potenzjal kbir tad-diversità, li hija l-bażi tal-istorja Ewropea tagħna.

Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili 2018 jixtieq jippremja inizjattivi li għamlu kontribut sinifikanti sabiex jiġu affaċċjati l-isfidi ta':

  • is-sensibilizzazzjoni tad-diversi livelli u r-rikezza tal-identitajiet Ewropej;
  • l-isfruttar tal-potenzjal kollu tal-ġid kulturali tal-Ewropa;
  • l-iffaċilitar tal-aċċess għall-wirt kulturali Ewropew; u
  • l-promozzjoni tal-valuri Ewropej bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt.

Se jiġi ppremjat total ta' EUR 50 000, li għandu jinqasam bejn massimu ta' ħames rebbieħa. L-iskadenza għall-applikazzjonijiet hi s-7 ta' Settembru 2018 u ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet se ssir fit-13 ta' Diċembru 2018 fi Brussell. Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha rreġistrati uffiċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li jaġixxu fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali jew Ewropew. Dan huwa miftuħ ukoll għal individwi.

Il-lista sħiħa tar-rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni onlajn huma disponibbli hawnhekk. (ll)