Il-fehma tal-organizzazzjonijiet lokali – Episodju 8: Meta d-dinja tax-xogħol tikkollassa

Meta l-Ewropa ntlaqtet mill-COVID-19, din ma wasslitx biss lill-isptarijiet f’xifer il-kollass, iżda ħolqot kaos sħiħ fuq ħafna fronti differenti: il-PDG Ewropew naqas ħafna, il-produzzjoni industrijali ħadet tisbita u eluf tilfu xogħolhom. Lanqas il-ġejjieni ma jidher li se jkun pożittiv. F’episodju 8 – “Meta d-dinja tax-xogħol tikkollassa” – nagħtu ħarsa lejn dak li l-UE tista’ tagħmel fuq il-front tal-impjiegi, fejn għandha biss setgħat limitati. Tkellimna mal-Professur Caroline de la Porte  mill-Copenhagen Business School, li tatna stampa ġenerali fil-qosor tal-linji gwida dwar l-impjiegi, għodda li tippermetti lill-UE tgħin fil-koordinazzjoni tal-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri. Il-membru tal-KESE Ellen Nygren kellmitna dwar il-proposta tal-KESE dwar kif il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiġu riveduti fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri, fost affarijiet oħra, jipprovdu l-għajnuna lill-Ewropej li jaħdmu għal rashom – bħall-mużiċista Portugiż, Tiago Rodrigues. Dan qasam magħna l-esperjenza tiegħu dwar kif hu u l-grupp tiegħu, 5EX, sabu ruħhom mingħajr impjieg minn jum għall-ieħor.

Dessine-moi (Mill-pinna ta’) ...

It-taqsima tagħna “Dessine-moi (Mill-pinna ta’) ...” qed tibbrilla b’ħafna kuluri, emozzjonijiet fuq emozzjonijiet, ħsibijiet u riflessjonijiet, u osservazzjonijiet dwar il-ħajja u ż-żmien għaddej. Ix-xhieda tal-membri tal-KESE turi li l-perjodu twil u diffiċli tal-kriżi qed iħalli l-impressjonijiet tiegħu fuq il-memorja. Nirringrazzjaw ħafna lill-membri li qasmu mal-qarrejja tagħna l-ħsibijiet tagħhom dwar dan iż-żmien ta’ kriżi.

Grazzi lil Irini Pari, Tellervo Kylä-Harakka-Ruonala, Reet Teder, Tatjana Babrauskiené, Gunta Anča, Kinga Joó, Sofia Björnsson, Evangelia Kekeleki, Michalis Antoniou, Philip von Brockdorff, Peter Schmidt, Cristian Pîrvulescu.

Dawn l-artikli kollha huma disponibbli minn din il-link: https://www.eesc.europa.eu/news-media/eesc-info/082020#a80501 (eh)

 

Lingwi Disponibbli:

Editorjal

PREMJU GĦAS-SOLIDARJETÀ ĊIVILI – PREMJU GĦALL-AĦJAR FOSTNA

Għeżież qarrejja,

Reġa’ wasal iż-żmien, f’dan il-perjodu tas-sena l-KESE għandu jniedi l-Premju għas-Solidarjetà Ċivili sabiex jippremja proġetti eċċezzjonali tas-soċjetà ċivili u ta’ individwi li jippromovu l-valuri komuni Ewropej tagħna u jsaħħu l-identità Ewropea tagħna. Kull sena il-premju jkun dedikat għal tema importanti u b’hekk niċċelebraw il-kisbiet tas-soċjetà ċivili f’qasam partikolari. Fl-2019, ippremjajna r-rebbieħa tal-11-il edizzjoni tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili li kienet iddedikata għall-promoturi tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Dati tad-Djarju

28 ta’ Awwissu 2020, Brussell, il-Belġju

Seduta pubblika
L-aħjar prattika fil-ġestjoni tad-diversità u l-futur tal-politika ta’ diversità tal-UE għall-migranti u l-minoritajiet etniċi

8 ta’ Settembru 2020, Brussell, il-Belġju

Seduta pubblika
L-istat tad-dritt u l-impatt tiegħu fuq it-tkabbir ekonomiku


15-16 ta’ Lulju 2020, Brussell, il-Belġju

Sessjoni plenarja tal-KESE

Dessine - moi...

Evangelia Kekeleki: Żguraw li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess ugwali għat-terapiji bit-tilqim u għat-testijiet dijanjostiċi

Għalija ma kinitx diffiċli noqgħod ġewwa waqt il-lockdown. Kien hemm numru ta’ affarijiet
li kont ipposponejt għal numru ta’ snin. U sibt il-ħin biex nagħmilhom u
kont kuntenta li rnexxieli neħles minnhom. Ir-ritratti u t-tifkiriet li kont ġbart mid-djar tal-ġenituri tagħna kienu kollha mħalltin, u allura irranġajthom f’ordni.

Għalija kienet esperjenza emozzjonali ħafna. Żammejt ruħi okkupata bl-attivitajiet li xtaqt nagħmel fil-passat, bħall-artiġjanat, il-ħami, it-tisjir, il-manifattura tal-likuri Griegi tradizzjonali, il-ġammijiet u l-ippriżervar - l-affarijiet li normalment ma jkollix ħin għalihom meta nkun qed nipprova nlaħħaq mal-impenji tax-xogħol tiegħi.

Tellervo Kylä-Harakka-Ruonala: Mill-Gwerra tax-Xitwa għall-poeżija

Kien jaħbat it-80 anniversarju minn tmiem il-Gwerra tax-Xitwa bejn l-Unjoni Sovjetika u l-Finlandja. Il-kommemorazzjoni nazzjonali ġiet ikkanċellata minħabba l-coronavirus, iżda l-qniepen kienu qed idoqqu fil-11 a.m. fil-knejjes kollha Luterani, Ortodossi u Kattoliċi madwar il-pajjiż. Ħriġt barra biex nisma’ d-daqq tagħhom u rajt Helsinki kważi vojta.

Sofia Björnsson: Solidarjetà lejn il-bdiewa fl-Iżvezja

Jiena naħdem għall-Federazzjoni ta’ Bdiewa Żvediżi (LRF), u fil-bidu tal-pandemija ħdimna ħafna biex niżguraw il-provvista tal-ikel.

Irini Pari: “Il-kriżi għal darb’ oħra wrietna li l-ġejjieni tagħna lkoll huwa interkonness”

Fil-waqt li qed nikteb din ix-xhieda, il-kanċelli tal-lockdown bdew jitbexxqu xi ftit bil-mod il-mod u bdew iqumu l-mistoqsijiet: x’tip ta’ dinja deħlin fiha? Din l-epidemija x’marki jew ġrieħi se tħalli fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, u fuq ħajjitna? Tgħallimna xi ħaġa; se nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti?

Tatjana Babrauskienė: “Jekk din il-kwarantina m’għamlet xejn, tat lin-nies il-ħin li jistrieħu u jaħsbu dwar kemm huma importanti r-relazzjonijiet tagħna.”

Tatjana Babrauskienė hija membru Litwana tal-KESE u tat-Trade Union Litwana tal-Edukazzjoni u x-Xjenza. KESE Info talabha taqsam ħsibijietha dwar il-COVID-19 mill-perspettiva ta’ pajjiżha.

Reet Teder: “Għall-erwieħ erġajna lura”

Meta l-kriżi bdiet f’nofs Marzu, is-sitwazzjoni kollha kienet tassew unika u li ma tantx titwemmen. Kważi kollox kien magħluq kullimkien fl-Ewropa u ħadd ma kien jaf f’dak iż-żmien jekk il-lockdown kienx fil-fatt qed jgħin jew le. Li nsalvaw ħajjet in-nies kienet l-aktar ħaġa importanti u l-ekonomija kellha tiġi ssagrifikata.

Peter Schmidt: "Hemm bżonn naqilbu għal ekonomija tal-benesseri"

It-trejdjunjinist Ġermaniż Peter Schmidt jagħtina għarfien dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw it-trade unions f’pajjiżu bl-assenzi mix-xogħol temporanji u bis-sensji minn naħa waħda, u b’ħaddiema essenzjali li jipperikolaw is-sikurezza tagħhom min-naħa l-oħra.

Kinga Joó: familji għandhom il-kapaċità li jinfurzaw is-sistema immunitarja tas-soċjetà

Fl-10 ta’ Marzu saret il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Serbja f’ambjent stramb u tqil. Fl-aħħar ta’ din il-laqgħa, kulħadd qabad it-triq lura. Jiena dħalt lura d-dar bl-għarfien li l-Ewropa kienet qed tiffaċċja taqlib kbir. Ħassejt ukoll li din kienet se tkun l-aħħar titjira tiegħi għal żmien twil. Fl-Ungerija, matul dan il-perjodu, l-inċertezza u l-istagħġib quddiem sitwazzjoni konfuża ddominaw fost il-popolazzjoni. Għal ħafna Ungeriżi, kemm kienet gravi s-sitwazzjoni ħareġ fid-dieher meta l-gvern ħabba li se jitħassru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa nazzjonali tagħna fil-15 ta’ Marzu.

Philip von Brockdorff: il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-ħajja online

Nixtieq ngħid li għalija l-esperjenza tal-lockdown kienet imħallta. Minn naħa, ix-xogħol mid-dar ippermettieli li nqatta’ aktar ħin mal-familja tiegħi milli stajt nagħmel qabel. Min-naħa l-oħra, kelli nagħmel arranġamenti biex nittrasforma kamra minn dari f’uffiċċju. Xi kultant jista’ jkun frustranti li tqatta’ sigħat twal id-dar, għalhekk ippruvajt inqatta’ l-ħin permezz tal-passatemp favorit tiegħi: nisma’ l-mużika fuq is-sistema tal-hi-fi li għandi.

Michalis Antoniou: L-esperjenza u r-rwol tal-Federazzjoni ta’ Min Iħaddem u tal-Industrijalisti ta’ Ċipru matul il-pandemija tal-COVID-19

Fl-indirizz tiegħu lin-nazzjon fil-15 ta’ Marzu, il-President ta’ Ċipru ħabbar miżuri ta’ prevenzjoni li qiegħdu lill-pajjiż u partijiet kbar tal-ekonomija taħt lockdown. Il-messaġġ kien li diffikultajiet ekonomiċi serji kienu imminenti u kollha kemm aħna kellna nħejju ruħna għall-impatt.

Gunta Anča: “Kriżi hija opportunità fantastika biex tidentifika l-ħoloq l-aktar dgħajfa fil-katina"

Il-lockdown kien żmien mhux tas-soltu biex wieħed jifhem lilu nnifsu. Minn naħa waħda, kien qisu ħolma li saret realtà... li nibqa’ d-dar u jkolli ħin biżżejjed biex nagħmel dak kollu li dejjem xtaqt nagħmel, iżda li ma kellix ħin għalih. Min-naħa l-oħra, iġiegħlek tirrealizza kemm is-soċjalizzazzjoni hija importanti għan-nies - li jiltaqgħu, jitkellmu, imissu b’idejhom, jaraw bnedmin oħrajn fir-realtà u mhux fuq skrin. U kemm hu diffiċli li tgħix mingħajr dak kollu.

Cristian Pîrvulescu: Il-perjodu ta’ konfinament? Aktar xogħol, aktar stress, inqas serħan

Kif għaddejthom ix-xahrejn ta’ konfinament f’Bucharest? Kienu strambi! Ir-Rumanija ħadet l-ewwel miżuri fil-15 ta’ Marzu u, mit-18 ta’ Marzu ’l quddiem, il-konfinemanet fid-dar sar obbligatorju. Qabel il-15 ta’ Marzu, kienet biss rakkomandazzjoni li ma tantx ġiet segwita, u dan wassal għal riskji epidemjoloġiċi għoljin. U dan il-konfinament dam sal-15 ta’ Mejju, meta l-istat ta’ emerġenza ġie sostitwit minn stat ta’ twissija. Iżda ma kienx żmien ta’ vaganzi! Għall-kuntrarju, ħdimt aktar mis-soltu, b’attività online li qabżet 12, u kultant 16-il siegħa kuljum: korsijiet u attivitajiet fuq il-pjattaforma tal-fakultà, parteċipazzjoni fi programmi tat-televiżjoni, intervisti, laqgħat u webinars.

Aħbarijiet tal-KESE

Il-KESE se jagħti l-Premju ta’ Solidarjetà Ċivili lil proġetti li qed jiġġieldu l-coronavirus f’kull Stat Membru u fir-Renju Unit

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) nieda Premju ta’ Solidarjetà Ċivili biex jippremja inizjattivi mwettqa minn individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji li huma proprjetà privata fl-UE u fir-Renju Unit fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u biex jitnaqqas l-impatt tal-iskossi devastanti tagħha.

L-aspettattivi huma għoljin hekk kif il-Ġermanja tieħu f'idejha l-Presidenza tal-UE

Fl-1 ta’ Lulju l-Ġermanja ħadet it-tmun tal-Kunsill tal-UE mill-Kroazja għal dik li x’aktarx se tkun l-aktar presidenza impenjattiva tagħha s’issa, bl-Ewropa tiffaċċja l-akbar kriżi ekonomika, soċjali u tas-saħħa fl-istorja moderna tagħha. 

Il-kontribut tal-KESE għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 – Pass ’il quddiem lejn soċjetà aktar sostenibbli u ġusta

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta riżoluzzjoni dwar il-kontribut tiegħu għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju. Id-dokument jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19 u jqis li s-sena d-dieħla hija opportunità għar-ristrutturar u għat-titjib tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE.

Il-KESE jiddiskuti l-migrazzjoni mal-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna

Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospita dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Margaritis Schinas, li ppreżenta għadd ta’ inizjattivi mistennija taħt il-portafoll tiegħu ta’ “Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna”, inkluż il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, l-Aġenda għall-Ħiliet, il- Programm l-UE għas-Saħħa, u l-Istrateġija l-ġdida ta’ Sigurtà għall-Unjoni.

Il-President tal-KESE Luca Jahier iwiegħed lill-Kummissarju Gentiloni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-pakkett ta’ rkupru tal-Kummissjoni mill-COVID-19 lejlet is-summit tal-UE

Il-President Jahier ikkritika l-proposta reċenti tal-Kunsill tal-UE li tagħti s-setgħa lill-gvernijiet nazzjonali biex jużaw il-veto fuq il-programmi ta’ riforma ta’ pajjiż taħt il-pakkett. F’dibattitu mal-kummissarju tal-ekonomija, Paolo Gentiloni, fil-plenarja tal-KESE, is-Sur Jahier qal li l-Kumitat kollu kien wara l-Kummissjoni Ewropea.

Rispons għall-coronavirus: Il-KESE jappella għall-approvazzjoni rapida tal-pjan ta’ rkupru tal-UE

L-UE trid tagħmel aktar għall-irkupru mill-pandemija tal-coronavirus u trid tagħmel dan malajr, filwaqt li turi solidarjetà u viżjoni ambizzjuża għall-ġejjieni tal-Ewropa. Fi tliet Opinjonijiet adottati fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju u dokument ta’ pożizzjoni, il-Kumitat jagħti l-appoġġ tiegħu u jappella għall-approvazzjoni rapida tal-proposti ta’ rkupru mressqa mill-Kummissjoni Ewropea, inkluż il-baġit tal-UE rivedut għall-2021–2027.

L-Ewropa teħtieġ il-kuraġġ politiku ta' Robert Schuman

70 sena wara, id-Dikjarazzjoni ta’ Robert Schuman tfakkarna dwar il-ħtieġa għal kuraġġ u viżjoni politika biex jiċċaqalqu l-affarijiet u jinbidel il-kors tal-istorja.

Il-KESE jniedi l-paġni web “Is-soċjetà ċivili kontra l-COVID-19”

“Is-soċjetà ċivili kontra l-COVID-19” hija s-sezzjoni l-ġdida tas-sit web tal-KESE li tiġbor flimkien ’il fuq minn ħamsin storja ta’ rkupru, solidarjetà u azzjoni prattika matul it-tifqigħa tal-coronavirus. Din ġiet imnedija fit-2 ta’ Lulju 2020 u tinkludi inizjattivi tal-membri tal-KESE, permezz tal-organizzazzjonijiet lokali tagħhom fl-Istati Membri, biex jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19.

Id-Direttiva dwar il-Makkinarju: tejjibha imma tibdilhiex, jgħid il-KESE

Fil-plenarja tiegħu ta’ Ġunju, il-KESE adotta rapport ta’ informazzjoni dwarir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju. Il-membri tal-KESE laqgħu l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-prestazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE, li hija strument importanti ħafna u li rnexxa għall-industrija Ewropea, filwaqt li nnota li bidliet radikali għad-Direttiva joħolqu impatt negattiv ħafna u jridu jiġu evitati.

Il-KESE jipproponi li jinħoloq fond straordinarju li jappoġġja lis-settur agrikolu bi tweġiba għall-pandemija tal-COVID-19.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżura l-ġdida proposta mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu appoġġjati l-azjendi agrikoli u l-SMEs fis-settur agroalimentari li qed jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità u biex tiġi żgurata s-sopravivenza ekonomika tagħhom matul din il-kriżi. Madankollu, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi fond straordinarju biex jimplimentaha.

Aħbarijiet mill-Gruppi

Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE jibgħat ittra lill-Kunsill Ewropew: In-negozju huwa essenzjali għall-irkupru tal-UE mill-kriżi tal-coronavirus

Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Minħabba l-urġenza estrema biex jiġu indirizzati l-effetti ekonomiċi tal-kriżi tal-coronavirus, il-Grupp ta’ Min Iħaddem sejjaħ għal miżuri rapidi u ambizzjużi f’ittra mibgħuta lill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern kollha Ewropej. Huwa biss permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li l-miżuri ta’ rkupru u ta’ rikostruzzjoni jkunu jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess fit-tul tal-UE, inklużi ċ-ċittadini u n-negozji tagħha.

L-UE tinsab f’salib it-toroq: il-Presidenza Ġermaniża u l-irkupru u l-bini mill-ġdid tal-Ewropa

Mill-Grupp tal-Ħaddiema

Il-Ġermanja ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE fi żmien kruċjali għall-Ewropa, fejn l-Unjoni tagħna tinsab f’salib it-toroq. Qed niffaċċjaw l-aktar kriżi brutali li esperjenzajna fi żmien ta’ paċi f’dawn l-aħħar 90 sena, b’aktar minn mitt elf mewta fl-Ewropa biss u xokkijiet ekonomiċi massivi, biex ma nsemmux l-inċertezza ta’ aktar mewġiet tal-pandemija. Matul ix-xhur diffiċli tal-lockdown, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, kif ukoll il-ħaddiema li jagħmlu l-kunsinni, dawk li jaħdmu fis-supermarkets u fil-qasam tas-sanità – impjiegi li ħafna drabi huma prekarji u mhux imħallsa tajjeb – ġarrbu l-piż tal-isforz biex il-pajjiżi tagħna jibqgħu għaddejjin.

Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Għajnuna lir-Refuġjati u lill-Migranti fl-Ewropa

Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

Fit-22 ta’ Ġunju, il-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE organizza konferenza bit-titolu Civil Society Organisations Helping Refugees and Migrants in Europe (Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Għajnuna lir-Refuġjati u lill-Migranti fl-Ewropa), b’taħlita ta’ attendenza mill-bogħod u preżenza fiżika fuq il-post.