Waqt il-plenarja tal-KESE f’Ġunju kien hemm dibattitu mal-Kummissarju Maroš Šefčovič dwar il-futur tal-Unjoni tal-Enerġija tal-Ewropa fejn ġiet stipulata l-pożizzjoni tal-Kumitat dwar l-istrateġija proposta tal-UE għat-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

Il-KESE jaqbel mal-fatt li tranżizzjoni lejn Ewropa dekarbonizzata għandha tkun soċjalment ġusta u effiċjenti, fejn l-atturi kollha jingħaqdu u jagħtu l-kontribut tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni wara l-2030. “Fl-Ewropa kollha huwa magħruf li hemm bżonn urġenti ta’ azzjoni dwar il-klima,” qal is-Sur Šefčovič,, fejn żied jgħid li l-klima saret wieħed mis-suġġetti elettorali ċentrali fl-UE u li “Fl-Ewropa fl-aħħar qed inħarsu lejn it-tibdil fil-klima bħala opportunità biex nerġgħu nikkonċentraw u nerġgħu norganizzaw l-ekonomija tagħna.”

Is-Sur Jahier kellu l-istess ħsieb. Huwa sostna li l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050 kien kruċjali għall-futur tal-Ewropa u staqsa jekk, minkejja li sar ħafna progress fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, ikunx għad hemm politiki u riżorsi ambizzjużi biżżejjed biex isostnu l-ambizzjoni fit-tul li jinkisbu emissjonijiet netti żero sal-2050.

Il-KESE approva l-istrateġija proposta tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fit-tul u l-objettiv tagħha li l-Unjoni Ewropea ssir ekonomija newtrali għall-klima sal-2050. F’Opinjoni mfassla minn Pierre Jean Coulon u Stefan Back , il-Kumitat jappella għal djalogu permanenti maċ-ċittadini u tranżizzjoni soċjalment ġusta. Barra minn hekk isostni li għandu jiġi konkluż patt soċjali ġdid.

“Din it-tranżizzjoni hija possibbli u ta’ benefiċċju għall-Ewropa, iżda kulħadd għandu jkun involut – ilkoll neħtieġu naħdmu flimkien biex niksbu dan l-għan komuni. Is-Sur Coulon qal li “ma nistgħux nisseparaw liċ-ċittadini minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet”.

Il-mobilita hija kruċjali: hija waħda mill-oqsma fejn huwa meħtieġ u jista’ jsir l-aktar progress “Jeħtieġ li nsibu soluzzjonijiet biex innaqqsu l-impronta tas-CO2 tal-UE mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq l-ekonomija u s-soċjetà kollha tagħha,” saħaq is-Sur Back. Huwa kkonkluda li “nistgħu nfasslu, nadottaw u nimplimentaw sistema li tistabbilixxi l-prezz tal-karbonju li tqis l-effetti tiegħu fuq in-negozji u ċ-ċittadini u li hija kompletament aċċettata minnhom”. (mp)