Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

It-taxxi korporattivi huma l-aktar forma ta’ tassazzjoni li tagħmel ħsara lit-tkabbir ekonomiku. Għall-kuntrarju tal-perċezzjoni pubblika, ma kien hemm l-ebda tnaqqis fid-dħul mit-taxxa korporattiva fir-rigward tal-PDG f’dawn l-aħħar erbgħin sena. Il-pajjiżi li naqqsu r-rati effettivi tat-taxxa korporattiva tagħhom f’dawn l-aħħar snin raw żidiet fl-investiment fis-snin ta’ wara. Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet ta’ studju reċenti kkummissjonat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fuq talba tal-Grupp ta’ Min Iħaddem.

Rata għolja ta’ taxxa korporattiva tista’ xxekkel l-attività ta’ negozju billi trendi ċerti proġetti ta’ investiment mhux profittabbli, u konsegwentement, titnaqqas il-bażi għat-taxxa u b’hekk il-ġbir ta’ dħul. Bħala medja, żieda ta’ punt perċentwali fir-rata tat-taxxa fuq l-investimenti diretti barranin (IDB) twassal għal tnaqqis fl-IDB ta’ 3.7%.

L-analiżi turi wkoll li tnaqqis fit-taxxa korporattiva mhux neċessarjament iwassal għal nuqqasijiet sinifikanti fil-finanzi pubbliċi, iżda fil-fatt jista’ jkun bejn wieħed u ieħor kwistjoni ta’ awtofinanzjament. Fil-każ ta’ sitt pajjiżi, it-tnaqqis fir-rati tat-taxxa korporattiva wassal għal żieda fid-dħul. Rati aktar baxxi tat-taxxa korporattiva jfissru aktar tkabbir — it-tnaqqis tar-rata tat-taxxa b’10 punti perċentwali jista’ jżid it-tkabbir annwali b’1-2 punti perċentwali.

"L-istudju għandu l-għan li jservi bħala għodda utli u affidabbli għad-diskussjoni dwar it-tassazzjoni. Dan huwa importanti b’mod speċjali fis-sitwazzjoni attwali fl-Unjoni Ewropea, fejn il-perċezzjoni pubblika dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji (speċjalment kumpaniji multinazzjonali kbar) hija distorta u sfruttata mill-populisti”, iddikjara Krister Andersson, il-Viċi President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem. L-istudju jipprovdi data u eżempji konkreti biex tiġi miġġielda din in-narrattiva.

Filwaqt li r-rati tat-taxxa naqsu b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar erbgħin sena, id-dħul mit-taxxa korporattiva bħala proporzjon tal-PDG għadu f’livell simili għas-snin tmenin. Id-dħul mit-taxxa korporattiva huwa fil-biċċa l-kbira fil-medda ta’ 2-3% tal-PDG filwaqt li d-dħul mit-taxxa fuq il-pagi, fuq il-pagi mħallsa u mill-VAT jammonta għal aktar minn 30%.

L-studju jista’ jitniżżel mis-sit web tal-KESE minn din il-link: https://europa.eu/!NB43bP (lj)