L-implimentazzjoni aħjar tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’enfasi fuq il-promozzjoni tas-servizzi essenzjali, kienet waħda mit-temi tas-sessjoni plenarja ta’ Ġunju, fejn il-membri adottaw opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar dan is-suġġett minn Raymond Hencks u Krzysztof Balon.

Il-KESE jenfasizza li kulħadd għandu jkun intitolat jaċċessa servizzi essenzjali bħall-ilma, l-enerġija u t-trasport, u rrimarka li dawn huma kruċjali għall-ġustizzja soċjali.

Xi wħud minn dawn is-servizzi mhumiex regolati u implimentati biżżejjed fl-Istati Membri, enfasizza s-Sur Hencks. “Qed nitolbu servizzi essenzjali li jkunu disponibbli għal kulħadd”, qal, iżda żied jgħid li dan ma jkunx biżżejjed. “Il-kunċett ta’ servizzi essenzjali għandu jiġi ċċarat ukoll u għandhom jittieħdu miżuri konkreti biex jindirizzaw il-fallimenti eżistenti u jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb ta’ dawn is-servizzi, skont il-ħtiġijiet tal-utenti."

Il-KESE għalhekk jilqa’ l-fatt li l-prinċipju 20 tal-Pilastru Soċjali jafferma mill-ġdid id-dritt tal-aċċess għal servizzi essenzjali. “Dawn huma komponent essenzjali tal-ġustizzja soċjali u huma msejsa fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-utenti, bil-projbizzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni jew esklużjoni, u fuq il-prinċipju tal-aċċess universali għal servizzi ta’ livell għoli affordabbli u ta’ kwalità,” tenna s-Sur Balon. (mp)