European Economic
and Social Committee
Il-KESE jħeġġeġ li jittejbu l-istrateġiji makroreġjonali
Il-KESE jappella sabiex jittejbu l-istrateġji makroreġjonali u jippreżenta sett ta’ proposti ta’ politika f’Opinjoni esploratorja biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom.
Il-proposti, li kienu ppreżentati f’Ġunju, huma bbażati fuq analiżi fil-fond tal-istrateġji makroreġjonali eżistenti. Din l-analiżi wriet li dawn servew bħala għodda utli għall-politika ta’ koeżjoni u s’issa saħħu l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni, iżda naqsu milli jilħqu l-aspettattivi f’termini ta’ għajnuna biex jitnaqqsu d-disparitajiet soċjali u territorjali u biex tingħata spinta lis-sostenibbiltà ambjentali.
Biex jitjieb l-impatt tal-istrateġiji fuq it-tnaqqis tad-disparitajiet, il-Kumitat jirrakkomanda li jittejbu, fuq kollox, il-komunikazzjoni u l-konnettività bejn l-imsieħba tal-kooperazzjoni, u jiġi mħeġġeġ involviment aktar mill-qrib tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji.
Dawk li jfasslu l-politika għalhekk għandhom isaħħu l-interventi tal-politika, jagħtu spinta lill-impenn attiv lejn l-istrateġiji makroreġjonali u jnaqqsu l-burokrazija. Aspett importanti ieħor huwa n-netwerking, l-interkonnessjoni u l-ġestjoni tal-bażjiet ta’ data, li kollha kemm huma jridu jiffunzjonaw.
Il-KESE jemmen li l-komunikazzjoni dwar l-istrateġiji makroreġjonali għandha tittejjeb sabiex tissaħħaħ il-viżibbiltà ta’ dawn l-istrateġiji u jitħeġġu n-netwerking u l-parteċipazzjoni.
In-netwerking u r-raggruppament tal-imsieħba soċjali, l-atturi soċjoekonomiċi lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jingħataw prijorità kemm mil-lat ġeografiku kif ukoll mil-lat settorjali. L-involviment tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fl-ippjanar u fl-evalwazzjoni tal-politiki huwa estremament utli għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali, u jista’ wkoll jagħti spinta lill-koeżjoni u lis-sostenibbiltà soċjali u ambjentali.
Fl-aħħar, il-KESE jipproponi netwerks effiċjenti għall-attivitajiet edukattivi. Dawn jistgħu jgħinu wkoll biex itejbu l-prestazzjoni fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali. (jk)